Kelma tal-Ħajja ta’ Frar

Download pdf


Missier it-tifel minnufih beda jgħajjat u jgħidlu: ‘Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi’ (Mk 9:24).

Ġesù, flimkien mad-dixxipli tiegħu, beda miexi lejn Ġerusalemm. Hu diġà qed iħejjihom għal appuntament deċiżiv: l-awtoritajiet reliġjużi kienu se jiċħduh, ir-Rumani kienu se jikkundannawh għall-mewt u jsallbuh. Imbagħad, wara dan kollu, Hu kien se jirxoxta.

Ma kienx faċli għal Pietru u għad-dixxipli l-oħra li jifhmu dak li kien qed jgħidilhom Ġesù, imma ftit ftit il-Vanġelu ta’ San Mark iwassalna biex niskopru l-missjoni ta’ Ġesù: hu kellu jwettaq il-fidwa tal-bnedmin permezz tat-tbatija.

Huwa u miexi, Ġesù jiltaqa’ ma’ ħafna nies; jersaq qribhom u jara l-bżonnijiet tagħhom. Hawnhekk narawh jilqa’ l-karba ta’ missier, li talbu jfejjaqlu ‘l ibnu li kien jinsab f’diffikultajiet serji. Aktarx li kien epilettiku.

Biex seta’ jseħħ dan il-miraklu, Ġesù talab xi ħaġa minn dan il-missier: il-fidi.

Missier it-tifel minnufih beda jgħajjat u jgħidlu: ‘Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi’.

It-tweġiba ta’ dan il-missier, li qalha b’leħen għoli quddiem il-folla miġbura madwar Ġesù, tidher kontraditorja. Kif spiss jiġri lilna, dan ir-raġel ħass li l-fidi tiegħu kienet dgħajfa, li ma kienx kapaċi jintelaq għal kollox fl-imħabba t’Alla, fil-pjan tiegħu ta’ ferħ li Hu għandu għal kull wieħed minn uliedu.

Iżda Alla jafda fil-bniedem u ma jagħmel xejn mingħajr is-sehem tiegħu, mingħajr il-kunsens tiegħu. Hu jitlob is-sehem tagħna, anki jekk dan ikun ċkejken: jitlobna nagħrfu leħnU fil-kuxjenza tagħna, nafdaw fiH u nintefgħu nħobbu.

Missier it-tifel minnufih beda jgħajjat u jgħidlu: ‘Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi’.

Il-biċċa l-kbira tal-kultura li ngħixu fiha, tfaħħar l-aġir aggressiv, għax skont hi din hi l-arma rebbieħa li biha nilħqu s-suċċess.

Filwaqt li l-Vanġelu jippreżentalna xi ħaġa li tidher bla sens: nagħrfu n-nuqqas ta’ ħila tagħna, bħala punt li minnu rridu nitilqu biex nidħlu f’rabta m’Alla u flimkien miegħu naslu għall-akbar rebħa: li l-bnedmin kollha jagħrfu li huma aħwa ta’ xulxin.

F’ħajtu, Ġesù għallimna kemm jagħmel sens li naqdu lill-oħrajn u li nagħżlu l-aħħar post. Dan hu l-aħjar mod biex dak li jidher telfa jinbidel f’rebħa, li la taħseb fiha nfisha u lanqas tispiċċa malajr, imma waħda li nistgħu naqsmuha mal-oħrajn u li tibqa’ għal dejjem.

Missier it-tifel minnufih beda jgħajjat u jgħidlu: ‘Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi’.

Il-fidi hi rigal li nistgħu u għandna nitolbuh bla waqfien, biex inkunu nistgħu naħdmu id f’id m’Alla ħalli jiftaħ toroq ta’ tama għal ħafna oħrajn.

Chiara Lubich kitbet hekk: “Temmen tfisser tħoss li inti mmexxi u maħbub minn Alla; tfisser li Alla jagħti kas ta’ kull talba tagħna, kull kelma, kull mossa, kull ġrajja ta’ swied il-qalb, ta’ ferħ jew indifferenti, kull marda; Alla jieħu ħsieb ta’ kollox. (…) U la Alla hu Mħabba, il-fiduċja sħiħa fiH mhix għajr konsegwenza loġika. Imbagħad inkunu nistgħu nafdaw fiH u nitkellmu mieghU ta’ spiss, nuruH dak li nkunu qed nagħmlu, il-progetti tagħna. Kull wieħed u waħda minna jista’ jintelaq għal kollox f’imħabbtu, żgur li Hu jifhmu, ifarrġu u jgħinu. (…) Nistgħu nitolbuH hekk: ‘Mulej, agħmel li jiena nibqa’ f’imħabbtek. Agħmel li jiena dejjem inħoss, ninduna u nagħraf il-fidi fl-imħabba tiegħek lejja, fl-imħabba tiegħek lejna.’

Imbagħad inkomplu nħobbu; u aktar ma nħobbu ‘l oħrajn, il-fidi tagħna aktar tissaħħah. Mhux biss nemmnu fl-imħabba t’Alla, iżda nħossuha fil-qalb tagħna u naraw ‘mirakli’ jseħħu madwarna”. 1

Letizia Magri

1: C. Lubich,  Kelma tal-Ħajja, Ottubru 2004, fil-ktieb Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Ruma 2017) pp. 732-734.

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.