Mill-komunità tal-Fokolari f’Ukrajna

Nisimgħu mill-komunitajiet tal-Fokolari, preżenti f’diversi bliet tal-Ukrajna. Jistiednuna biex ningħaqdu magħhom fit-talb kull nhar ta’ Ħamis fis-7.30 bit-Taljan u bl-Ukrajn.

“Huma l-fidi u l-imħabba li qed tasal minn kull parti tad-dinja b’mesaġġi, telefonati u talb li qed isostnuna f’dan il-mument daqshekk drammatiku. Nixtiequ nirringrazzjaw lil kull wieħed u waħda minnkom. Dan jimliena bil-qawwa u jkattar fina t-tama li naqilgħu d-don tal-paċi, li Alla jagħmel il-miraklu tal-paċi”. Hekk qalet Donatella Rafanelli, fokolarina Taljana, għalliema li tgħix fil-fokolar ta’ Kiev hi u tirrakkonta dak li qed tgħix il-komunità tal-Fokolari fl-Ukrajna f’dan il-mument diffiċli.

U kompliet tgħid: “F’dawn l-aħħar ġimgħat, it-tensjoni bdiet dejjem tiżdied u ħassejna li qed ngħixu mument tassew speċjali, anki jekk il-ħajja baqgħet għaddejja bħas-soltu. F’dawn l-aħħar xhur meta nitkellmu man-nies bdejna ninnotaw kemm qed jiżdied il-biża’, il-qtigħ il-qalb, id-dwejjaq, u d-delużjoni. U f’dawn l-aħħar sigħat is-sitwazzjoni kompliet tassew sejra għall-agħar”.

“Aħna wkoll, bħala komunità tal-Moviment, qed inħossuh dan” – kompliet tispjega – “U staqsejna u qed inkomplu nistaqsu lilna nfusna x’nistgħu nagħmlu f’din is-sitwazzjoni. Qed ngħixu dan il-mument ta’ tbatija flimkien, konxji li għalkemm ma nistgħux nagħmlu affarijiet straordinarji u speċjali imma nistgħu nisimgħu lil min jinsab madwarna u naqsmu miegħu l-biżgħat, il-preokkupazzjonijiet u nfittxu li nifhmu mument wara l-ieħor x’inhu l-aħjar li nagħmlu”.

Il-bieraħ, Papa Franġisku stieden lil kulħadd, lil min jemmen u lil min ma jemminx, biex ningħaqdu f’talba waħda flimkien għall-paċi fil-waqt li ngħixu għaliha b’mod partikulari fit-2 ta’ Marzu, il-bidu tar-Randan. Din ser tkun ġurnata ta’ talb u sawm għall-paċi. Mexxejja responsabbli ta’ Knejjes Insara oħra ngħaqqdu miegħu u qed jistiednu lil kulħadd biex jitlob għad-don tal-paċi.

Il-Moviment tal-Fokolari fid-dinja kollha, kuljum f’nofsnhar jagħmel it-time-out, mument ta’ talb u silenzju għall-paċi f’kull parti tad-dinja.

“Hawnhekk, fl-Ukrajna ilna sena norganizzaw talb għall-paċi, li jsir kull nhar ta’ Ħamis fis-19.30 bit-Taljan u bl-Ukrajn fuq dan il- link . Nistiednu lil kulħadd jingħaqad magħna speċjalment f’dan il-mument. Dan l-aħħar, nies minn diversi pajjiżi fid-dinja li għandhom ghal qalbhom il-paċi qed jingħaqdu magħna”.

Il-fokolare fl-Ukrajna nfetaħ f’Kiev f’Mejju 2019, imma ġa kien hemm xi komunitajiet tal-Fokolari fil-pajjiż. Fil-fatt, membri tal-Moviment f’pajjiżi fil-qrib kienu jagħmlu vjaġġi u kuntatti biex iwasslu l-ispiritwalità tal-unità f’diversi bliet ta’ dan il-pajjiż. Illum issib membri tal-Moviment ta’ diversi etajiet u vokazzjonijiet f’Mukachevo, Uzhgorod, Storozhniza, Leopoli, Kiev u postijiet oħra fil-qrib.

Anna Lisa Innocenti

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.