Ngħixu l-Vanġelu

Smajt it-telefon iċempel. Kelli tentazzjoni kbira li ma mmurx naqbdu biex inwieġeb, iżda ftakart fil-Kelma tal-Ħajja: “Qiegħed inħabbat…..” u ddeċidejt li mmur nara min kien. Kienet il-mara ta’ persuna li żewġi u jien konna ilna ngħinuh għal xi żmien. Qaltli li kellhom problema: il-flus ma kienux qed iservuhom u talbet l-għajnuna. Propju dakinhar kont qed naħseb li wasalt biex nixtri żarbun ġdid għax-xitwa għax dak li kelli ma kienx għadu tajjeb għal riġlejja wara l-inċident li kelli. Iżda għidt li issa din il-persuna hawn quddiemi u hemm bżonn niftaħ qalbi għaliha. Għidtilha li xtaqt nitkellem ma’ żewġi u mbagħad inċemplilha. Meta ġie żewġi tkellimt miegħu u rajna li stajna nagħtuha xi ftit tal-għajnuna; stajna nagħtuha l-flus li bihom kont ser nixtri ż-żarbun.

Dħalt fi klassi ġdida fejn kelli nagħti lezzjoni lil wieħed student li sħabi kienu jgħidu li kien diffiċli ħafna u ma tantx iġib ruħu sew. Ħsibt li qabel nibda l-lezzjonijiet miegħu, ikun aħjar jekk niddedika l-ħin biex insir nafu u niftaħ djalogu miegħu. S’issa mhu qed insib ebda problema; joqgħod tassew attent u jġib ruħu tassew tajjeb.

Kienet waslet il-ġurnata tal-Ħadd u għidna: sa fl-aħħar ħadd minna ma għandu x’impenn! Iżda ġiet f’moħħi familja li kienet għaddejja minn żmien diffiċli u għidt: dawn ser ikunu waħidhom, x’ser jieklu? Tkellimt ma’ żewġi, għamilna xirja u stedinna lil din il-familja biex jiġu jieklu għandna. It-tfal kienu tassew kuntenti! Ilkoll ħassejna ferħ u paċi kbira. Filgħaxija ma konniex għajjenin: ħassejna l-mistrieħ tal-preżenza ta’ Ġesu’ fejn ikun hemm l-imħabba.

Ġurnata waħda, ħabiba tiegħi, li toqgħod ‘l bogħod, talbitni nkellem lil xi ħadd jiġi minnha u joqgħod fl-istess lokal fejn noqgħod jien. Xtaqet li nara x’nista’ nagħmel minħabba xi tilwim li nqala’ fil-familja. Għalkemm lil dan ir-raġel ma tantx kont nafu, għamilt ħilti u mort niltaqa’ miegħu. Smajtu tassew b’qalb miftuħa. Inħoss li s-sitwazzjoni bdiet ġejja għall-aħjar, iżda l-avventura għadha għaddejja. Sar l-ewwel pass u l-ħabiba tiegħi kienet tassew grata; qaltli: “Int biss taf x’għandek tgħid f’din is-sitwazzjoni”.

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.