“Un eroe disarmato” – Bijografija oħra dwar Igino Giordani (Foco)

“Un eroe disarmato”: dan hu t-titlu tal-bijografija ġdida dwar Igino Giordani. Saret il-presentazzjoni tagħha l-Ħadd 18 ta’ April meta l-Moviment tal-Fokolari fakkar il-41 anniversarju tat-tluq tiegħu lejn is-sema. F’din l-okkażjoni saret intervista lil Prof. Alberto Lo Presti u Dr. Elena Merli, l-edituri ta’ din il-bijografija u membri taċ-Ċentru Igino Giordani.

F’din l-intervista ħarġu ħafna affarijiet interessanti. L-ewwel mistoqsija kienet: għalfejn inkitbet bijografija oħra dwar Giordani meta ġa nkitbu diversi oħrajn? Dr. Merli wieġbet li l-bijografiji li nkitbu qabel kollha huma ta’ valur kbir, iżda dawn jitkellmu biss fuq partijiet mill-ħajja ta’ Giordani jew inkella janalizzaw xi aspett mill-ħajja tiegħu: l-aspett storiku, l-aspett spiritwali, l-aspett politiku…. Din kienet bijografija aktar kompluta u titkellem dwar aspetti li ftit li xejn kienu jissemmew qabel, bħal: il-ħajja tiegħu fil-familja, ir-relazzjoni profonda tiegħu ma’ Chiara, iż-żmien ta’ dawl partikulari magħruf bħala “il-Ġenna tal-‘49”. Dr.Merli qalet li hemm patrimonju enormi ta’ dokumenti, ittri, recordings, li permezz tagħhom setgħu jiskopru ħafna dettalji dwar il-ħajja ta’ Giordani.

Minn din l-intervista sirna nafu li l-ewwel bijografija dwar Giordani inkitbet fl-1936. L-awtur tagħha kien Bernardo Mattarella, missier Sergio Mattarella, il-President tar-Republika Taljana li kien mitlub jikteb l-introduzzjoni għal din il-bijografija ġdida. Fl-intervista, Prof. Alberto Lo Presti qal li l-President Mattarella kien jaf lil Giordani personalment, xi ħaġa li hu stess semma’ anki fl-introduzzjoni tal-ktieb. Qal ukoll li parti minn din il-bijografija hi ddedikata għall-impenn politiku ta’ Giordani, li għamel esperjenza tal-gwerra, ta’ żmien il-faxxiżmu, ta’ qerda u tbatija soċjali. U saħaq li x-xhieda tiegħu titfa’ dawl anki fuq il-ħajja tal-lum.

Interessanti dak li wieġeb Lo Presti meta kien mistoqsi: dan il-ktieb għal min hu intenzjonat? Wieġeb: “Dan il-ktieb hu għal dawk kollha li jixtiequ (…) jkunu jafu kif wieħed jista’ jagħti lilu nnifsu b’mod sħiħ lil Alla u jibqa’ jgħix l-affarijiet ordinarji fil-ħajja tad-dinja. Dan hu li rnexxilu jagħmel Giordani”. U kompla jispjega li għalkemm Giordani studja l-kitba ta’ Missirijiet il-Knisja, ta’ diversi teoloġi u ta’ nies spiritwali magħrufa, hu sab it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li dejjem kellu meta ltaqa’ ma’ Chiara u mal-ispiritwalita’ ta’ komunjoni.

Lejn it-tmiem ta’ din l-intervista, Lo Presti rrakkonta episodju li hu sinifikattiv ħafna. Qal li Giordani kellu xewqa kbira li jagħti lilu nnifsu lil Alla b’mod sħiħ u għalhekk lejn l-aħħar tas-snin 1920 ingħaqad mat-Terz Ordni Dumnikan. Iżda ma tantx kien sodisfatt bir-regola tagħhom; xtaq li jinvolvi ruħu aktar f’ħajja reliġjuża. Offra idea li kellu lill-patrijiet: “Nikru appartament fejn nistgħu niltaqgħu lkoll flimkien: intom il-patrijiet biċ-ċoqqa u aħna l-lajċi bil-qalziet. U hekk inkunu nistgħu ngħixu ftit ħajja komunitarja flimkien”. Dan ma seħħx għax in-normi tal-Ordni Dumnikan kienu jgħidu mod ieħor.

Temm jgħid il-Prof. Lo Presti: “Dak li l-qalb ta’ Giordani kienet tixxennaq għalih fl-aħħar tas-snin 1920, sar realta’ permezz ta’ Chiara: kien il-fokolare”.


Source: https://www.focolare.org/en/news/2021/04/19/why-another-biography-of-giordani/

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.