X’inhu t-talb?

Titlob ma jfissirx tqatta’ ftit ħin timmedita jew taqra xi silta mill-Kotba Mqaddsa jew mill-kitbiet tal-qaddisin. Lanqas li toqgħod taħseb fuq Alla u fuqek innifsek biex tara kif tista’ tinbidel għall-aħjar. Dan fih innifsu mhuwiex talb.

L-istess meta tgħid ir-rużarju jew it-talb ta’ filgħodu u ta’ filgħaxija. Wieħed jista’ jagħmel dan kollu bla ma jkun talab xejn.

It-talb, biex ikun tassew talb, jitlob minna li nibnu rabta ma’ Ġesù, li bl-ispirtu tagħna mmorru lil hinn mill-kundizzjoni li nkunu fiha, minn dak kollu li jinkwetana, mit-talb kollu li ngħidu, għalkemm dawn kollha huma affarijiet sbieħ u meħtieġa, u nibnu din ir-rabta intima u personali Miegħu.

Jeħtieġ niskopru kemm Ġesù jħobbna u jsejħilna. Wara kollox, xi tkun vokazzjoni? Insibu deskrizzjoni tagħha fil-Vanġelu meta Ġesù ltaqa’ maż-żgħażugħ għani. Insibu miktub hekk: “Ġesù xeħet fuq dan iż-żgħażugħ ħarsa ta’ mħabba u qallu: ‘Ħaġa waħda tonqsok: mur, bigħ li għandek… imbagħad ejja u imxi warajja’” (ara Mk  10, 21). Ġesù jixħet din il-ħarsa fuq kull wieħed u waħda minna u jħobbna, u aħna nħossu din l-imħabba u nistgħu nagħżlu jekk irridux nimxu warajH. Għalhekk, li titlob ifisser iżżomm din ir-rabta ta’ wlied u ta’ aħwa ma’ Ġesù tul il-jum kollu, dejjem. Titlob ifisser tintrabat miegħU u tisma’ fis-skiet x’għandu x’jgħidlek.

Nibnu din ir-rabta tagħna Miegħu jekk jirnexxielna nagħmlu “l-għażla t’Alla”, jiġifieri li nagħtuH l-ewwel post fil-ħajja kollha tagħna, f’dak kollu li nagħmlu. Imbagħad it-talb tagħna jista’ jissejjaħ talb veru, għaliex bih inkunu qed nesprimu din ir-rabta ta’ mħabba tagħna l-bniedem m’Alla.

Insibu ħafna modi kif nistgħu nitolbu. Hemm dak li jissejjaħ “talb mentali”, jiġifieri l-meditazzjoni. Din tista’ ssir b’ħafna modi. Wieħed minnhom hu li naqraw bil-mod xi silta mill-Kotba Mqaddsa jew minn xi kitba tal-qaddisin. Imma, issir kif issir, il-meditazzjoni trid tkun okkażjoni li fiha nsibu mument ta’ kwiet, ta’ kalma ma’ Ġesù. Għandu mnejn li f’dan il-ħin niftakru f’dak li qiegħed jinkwetana. Dan hu l-mument meta nistgħu nitkellmu ma’ Ġesù u ngħidulu: “Jien  ma nista’ nagħmel xejn, aħseb fija Int”. Din nistgħu nsejħulha “talba biex naqilgħu xi grazzja”.

Imma wara kollox, anki meta nagħmluha biex naqilgħu xi grazzja, din it-talba hi dejjem waħda ta’ abbandun: anki meta nitolbu għal xi grazzja, aħna nintelqu għal dak li Ġesù jrid minna; jekk inkunu għaddejjin minn xi tbatija, f’ħajjitna jew fil-ħajja tal-għeżież tagħna, nitkellmu ftit fuqha miegħu bil-kalma kollha, għax nafu li Hu jħobbna u jħobb `il kulħadd ħafna aktar milli nistgħu inħobbu aħna.

Bla ebda dubju, l-isbaħ talba hi ta’ min hu żgur li Ġesù jaf bil-problemi u d-diffikultajiet tagħna, jaf dak li neħtieġu (il-Vanġelu jgħid: “Missierkom jaf x’teħtieġu, qabel ma titolbuh intom” (ara Mt 6, 8), u għalhekk nintelqu għal kollox f’idejn Ġesù, ferħanin f’din il-laqgħa tagħna Miegħu. B’hekk inkunu qed ngħidu lil Ġesù, u fih lit-Trinità Qaddisa: ara, inti taf bid-diffikultajiet kollha li għaddej minnhom, inti taf il-miżerji tiegħi, il-ftit fidi tiegħi, inti taf x’inhuma n-nuqqasijiet tiegħi, it-tbatijiet u d-diffikultajiet li għaddej minnhom f’ħajti: issa rrid noqgħod miegħek u naħseb fil-fond fuqek.

Naslu lura ġo darna 

Dan huwa l-ħin li fih noħorġu mill-bidliet li l-ħin kollu għaddejjin minnhom, li jgħajjuna u jsewdulna qalbna, biex nidħlu f’kuntatt miegħu, biex insibuh, biex ngħixu fid-dar tagħna. Infatti, id-dar tagħna lkoll hija t-Trinità, il-Missier, l-Iben, l-Ispirtu s-Santu, u fihom Marija u l-qaddisin kollha. U aħna li qed ngħixu f’dinja li tidher vera, imma fil-fatt hi apparenti, fl-aħħar nerġgħu lura d-dar, fil-vera dinja tagħna, id-dinja tat-Trinità. It-talb huwa l-isbaħ mument tal-ħajja tagħna f’din l-art billi dak il-ħin inkunu qed ngħixu mal-Missier, mal-Iben, mal-Ispirtu s-Santu, ma’ Marija b’mod kuxjenti.

Din il-kontemplazzjoni ma tfissirx ħarba mill-ħajja konkreta tagħna; imma hi l-ħajja vera, li bil-ħila tagħha nistgħu, b’mod Kristjan, inħabbtu wiċċna mar-realtajiet konkreti ta’ kuljum, bil-fallimenti, it-tbatijiet, it-toqol u l-għejja fiżika u mentali, bil-problemi, li nistgħu u nafu kif naffrontawhom propju għaliex fl-aħħar mill-aħħar inkunu għexna għal ftit tal-ħin, għal nofs siegħa ta’ meditazzjoni, il-ħajja vera tagħna: f’din id-diskursata tagħna miegħu.

Is-skiet ta’ ġo fina 

F’din il-laqgħa tagħna ma’ Ġesù, Hu jkellimna; u ħafna drabi diffiċli nagħrfu nisimgħuh, ħtija tal-ħsejjes tal-affarijiet ta’ kuljum li jippruvaw jidħlu anki f’dan l-ispazju ta’ ħin li nqattgħu fil-meditazzjoni. Imma aħna rridu nidraw nisimgħuh, għax Hu l-ħin kollu jkellimna. Ma jfissirx li rridu nsikktu l-ħsejjes li jiġu minn barra, imma `l dawk ta’ ġo fina, jiġifieri kemm jista’ jkun u kemm jirnexxielna, irridu nsikktu l-passjonijiet kollha tagħna (mhux biss dawk ħżiena): jiġifieri mmorru lil hinn minn dan kollu biex nisimgħu dak li Ġesù jrid jgħidilna.

Leħnu hu wieħed sottili ħafna. Jeħtieġ tassew skiet kbir biex nisimgħuh (u l-meditazzjoni toffrilna l-okkażjoni biex insikktu l-ħsejjes kollha ta’ madwarna, simbolu tal-ħsejjes ta’ ġo fina, biex nisimgħu `l Ġesù). Hu dejjem jgħidilna affarijiet ta’ importanza kbira. Meta nkunu qtajna qalbna, meta nkunu nkwetati bil-problemi tal-ħajja: “Tibżgħu xejn, jiena hu”. Jgħidilna: “Tibżgħu xejn, jiena rbaħt id-dinja”. Jgħidilna: “Jiena magħkom dejjem”.

Ġesù jippreżenta lilu nnifsu bħala mudell, jippreżentalna ħajtu bħala mudell għal ħajjitna. Ħajja li fiha kellu suċċessi u mirakli, imma li ntemmet apparentement b’falliment totali, fuq is-salib. Ir-Rumani ma kinux jafu min kien; fost il-Lhud kien hemm min jaħseb li kien Elija jew xi wieħed mill-profeti…

U meta aħna ngħidulu: “Ġesù, din il-ħaġa mgħarritli żmerċ, din il-ħaġa sejra ħażin ukoll”, Hu jweġibna: “Minn fuq is-salib jiena għajjatt: ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?’”. Jiena din it-triq qed nippreżentalek. Mill-bqija, ħalli f’idejja; mhux importanti s-suċċessi jew il-fallimenti, l-importanti hu li inti żżomm ruħek f’din ir-rabta miegħi”.

Dawn huma biss xi ftit eżempji ta’ dak li l-Mulej jgħidilna biex jeħodna lil hinn mill-ħajja tagħna ta’ kuljum, biex ngħixu għal ftit tal-ħin fil-ħajja li ma tintemm qatt. U xi drabi jagħmel ukoll mirakli, f’din id-diskursata li jista’ jkollna miegħu. U la qed nitkellmu fuq dan, min ma jiftakarhiex dik il-ġrajja ta’ dik il-mara li kienet tbati bit-tnixxija tad-demm u li kienet tinsab mal-folla li ma ħallithiex tersaq qrib Ġesù biex tgħidlu jfejjaqha? Hi ħasbet hekk: “Jekk immiss imqar il-mantar tiegħu, inkun imfejqa.” F’daqqa waħda t-tnixxija tad-demm waqfitilha, u ġewwa fiha ħasset li kienet fieqet mill-marda tagħha. Ġesù minnufih intebah bil-qawwa li kienet ħarġet minnu, u dar lejn il-kotra u staqsa: “Min messli l-mantar?” Id-dixxipli tiegħu qalulu: “Qiegħed tara dawn in-nies kollha jrossu madwarek, u tistaqsi: Min messni?” Hu beda jħares madwaru biex jara jilmaħx `il dik li kienet għamlet dan. Imbagħad il-mara, tirtogħod bil-biża’ għax għarfet x’kien ġralha, resqet, xteħtet f’riġlejh u stqarritlu s-sewwa kollu. “Binti”, qalilha, “il-fidi tiegħek fejqitek; mur bis-sliema, u kun imfejqa mill-marda tiegħek”. (ara Mk 5, 25-31). Kienu ħafna dawk li “talbuh”, imma waħda biss sabet il-mod kif tkellmu, sabet it-“talba”, u Ġesù ħass li qawwa kienet ħarġet minn ġo fih għal dik it-talba umli, silenzjuża, kollha fidi u abbandun fih.

It-talba li tibdilna

Jekk aħna nitolbu b’din il-fidi, in-nies jarawna kalmi, għaliex biha jkollna paċi li tmur lil hinn mit-tbatijiet li nkunu għaddejjin minnhom, bħan-nies kollha ta’ din id-dinja. U huma jħossu l-ferħ li joqogħdu magħna, dak il-ferħ li Ġesù jgħid li d-dinja ma tafx tagħti, għax ġo fina jkollna biċċa żgħira mis-Sema li fih inkunu għexna kemm konna ilna nitolbu.

Id-dinja kollha hi għatxana għal Alla, u jekk aħna ma jirnexxilniex naqtgħulha l-għatx hu għax aħna nagħtuha biss mill-kliem tagħna, kliem li “jitkellem” fuq Alla. Filwaqt li d-dinja teħtieġ lil Alla, anki bla ma nitkellmu fuqu. Jirnexxilna nagħmlu dan jekk f’din is-sejħa li qed jagħmlilna Ġesù, nibqgħu l-ħin kollu f’kuntatt miegħu.

Illum issib lil min jgħidlek li ftit jiswa t-talb li ngħidu bil-fomm, għax jaħseb li t-talb li nagħmlu b’moħħna huwa aktar importanti. Filwaqt li dak li jimporta hu r-rabta tagħna m’Alla, li nistgħu nsibuha fit-talb mentali kif ukoll f’dak tal-fomm, fil-ġakulatorji, fir-rużarju, fil-forom kollha ta’ devozzjoni popolari u sempliċi, sempliċi żżejjed għas-suppervja tagħna, imma li fir-realtà huma kollha okkażjonijiet ta’ rabta tagħna m’Alla. Rabta li, naturalment, ma titwilidx mit-talb jekk ma tkunx mibnija fuq il-ħajja. Jiġifieri, ma nistgħux “nitolbu” kemm-il darba ħajjitna ma tkunx mibnija kollha kemm hi fuq Alla.

L-isbaħ ħaġa

Jekk aħna għandna din ir-rabta awtentika ma’ Ġesù, it-talb isir l-isbaħ u l-aktar ħaġa ħajja tal-ġurnata. Isir għajn ta’ ilma ħaj, kif jgħid Ġesù: “Min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj” (ara Ġw 7, 38).

L-imġiba tagħna trid tkun waħda ta’ sliem mill-aktar kbir u sħiħ: irridu niksbu dik il-milja umana li Alla biss jaf jagħti, u li biha nwasslu l-paċi u s-serenità madwarna. Għalhekk, intenni, it-talb hu l-isbaħ mument tal-ġurnata, għaliex hu l-uniku mument li fih nerġgħu lura lejn darna: ftit ftit noħorġu mid-dinja ta’ madwarna, għalkemm nibqgħu b’saqajna mal-art; hu l-mument li fih nitkellmu ma’ Ġesù, nibnu din ir-rabta tagħna miegħu. Meta nitkellmu miegħu, m’għandniex  għalfejn ngħidu ħafna kliem, kif jgħidilna Hu: “Intom u titolbu toqogħdux tlabalbu bħall-pagani” (Mt 6, 7).

Din hi rabta ta’ mħabba profonda, ta’ talb profond, ta’ abbandun profond fil-Missier, permezz tal-Iben, fl-Ispirtu s-Santu, bl-għajnuna ta’ Marija li, kif għamlet fit-tieġ ta’ Kana, titkellem għalina meta aħna ma nsibux kliem x’ngħidu. Din hi l-veru ħajja tagħna. Aħna msejħin ngħixu fi ħdan il-Missier. Is-sejħa vera tagħna hi li nimxu wara Ġesù u ngħixu f’din il-familja divina. It-talb mhuwiex għajr il-kliem li aħna ngħidu d-dar tagħna,  fid-dar vera tagħna.

Hekk irid ikun u hekk irid isir it-talb tagħna. U żgur li jsir hekk kemm-il darba f’ħajjitna ngħixu b’mod sħiħ għal Alla.

Dun Pasquale Foresi
(ko-fundatur, Movimenti tal-Fokolari)

 

 

 

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.