“Nerġgħu nivvintaw il-Paċi” – Passi f’mixja ta’ tama – Konferenza organizzata minn Komunjoni u Dritt fl-okkażjoni tal-Ġublew għal dawk li jaħdmu fil-qasam tal-ġustizzja.
Prof. Simone Borg kienet waħda mill-kelliema f’din il-konferenza, fejn saret ukoll it-tnedija tal-ktieb Un’Orizzonte di Luce oltre la Frammentazione dell’Umano: Conversazioni su Diritto, Relazione e Vita, Dan il-ktieb jesplora r-rwol tal-liġi li dejjem qed jevolvi, l-interazzjoni bejn id-drittijiet individwali u kollettivi, u l-ħtieġa ta’ multilateraliżmu orjentat lejn il-paċi li għandu l-għeruq tiegħu fil-parteċipazzjoni tal-poplu. Prof. Borg użat l-għarfien personali, professjonali u akkademiku – speċjalment il-legat ta’ Maria Voce u Adriana Cosseddu – biex turi li liġi li tiċċentra fuq relazzjonijiet u fraternità tista’ tkun raġġ qawwi ta’ tama u ġustizzja f’dinja ta’ bosta firdiet.
Il-ktieb fih diversi temi dwar il-funzjoni tal-liġi fis-soċjetà kontemporanja, u jħares lejn sfidi li jippersistu u oħrajn li qed jinbtu. Element ċentrali f’dan il-ktieb hu d-djalogu b’diversi sfumaturi li Maria Voce għamlet ma’ politiċi u akkademiċi, mas-soċjetà ċivili u ma’ żgħażagħ minn nazzjonijiet differenti. Dawn id-djalogi jibdew bil-mistoqsija fundamentali: “il-liġi x’inhi?” u juru l-għan u l-filosofija tagħha, kif ukoll id-diffikultajiet li joħorġu mill-frammentazzjoni legali, l-aktar meta l-leġiżlaturi jinsew il-bilanċ bejn id-drittijiet individwali u dawk kollettivi.
Prof Simone Borg qalet li bħala Maltija hi studjat l-liġi u ħadmet f’sistema legali mibnija fuq il-Liġi Rumana, li hi magħrufa għas-sempliċità tagħha, iżda li matul il-karriera tagħha hi rat normi ċari u sempliċi jevolvu, jiżdiedu u jsiru dejjem aktar kumplessi u super-speċjalizzati. Saħqet li dak li jagħmel rule of law effettiva mhuwiex in-numru ta’ liġijiet imma l-kwalità tagħhom, u li għadd abbundanti ta’ liġijiet ma jagħti ebda garanzija li s-soċjetà tiffunzjona sew u li jkun hawn ġustizzja.
Kompliet issaħħaħ l-argument tagħha b’dak li jingħad fil-ktieb Un’Orizzonte di Luce, li jeżamina jekk il-ħafna liġijiet ġejjien minn kulturi u tradizzjonijet differenti humiex qed jipprovdu sustanza, ġustizzja fil-proċeduri u governanza effettiva. Qalet li l-valur ta’ dan il-ktieb jinsab fil-ħafna perspettivi ġejjien minn persuni b’backgrounds differenti f’oqsma legali ta’ valur universali. Din id-diversità tkompli tagħti importanza lill-mistoqsija fundamentali: il-liġi hi sempliċiment sistema ta’ leġiżlazzjoni u infurzar, jew isservi għal għan aktar kbir li hu ta’ ġid għall-umanità?
Minkejja din id-diversità, il-ktieb fih ħajta li tgħaqqad kollox: l-għan veru tal-liġi (ratio legis) mhuwiex li timponi limiti, imma li toħloq relazzjoni u fiduċja. Ħafna huma tal-ħsieb li interpretazzjoni restrittiva tal-għan tal-liġi twassal għad-diżappunt u ma tiżgurax paċi u ġustizzja, ukoll jekk il-liġijiet dejjem jiżdiedu. Il-veru benesseri, privat u publiku, jeħtieġ liġi li tkun aktar minn biss ordni u penali, biex minn individwi sa komunitajiet internazzjonali jkunu jistgħu jibnu relazzjonijiet li għandhom tifsira. Din il-viżjoni tal-liġi hi għodda għall-paċi, għas-sigurtà u għall-benesseri.
Dan il-mod ġdid kif wieħed iħares lejn il-liġi hu ispirat mill-esperjenza ta’ Maria Voce u Adriana Cosseddu flimkien mal-Moviment tal-Fokolari li l-fundatriċi tiegħu hi Chiara Lubich. Il-kelma “Fokolare”, li tfisser fuklar, tissimbolizza l-għixien ta’ relazzjonijiet li huma ta’ ġid għal kulħadd. L-għixien tal-liġi mdawwal mill-valuri tal-Vanġelu jistedinna neżaminaw mill-ġdid ir-rwol aħħari tal-liġi – kif ukoll ta’ kull dixxiplina oħra – biex nagħrfu li hi mezz li jġedded il-ħajja u li permezz tiegħu nistgħu nwieġbu b’mod kreattiv għall-avversità.
Il-ktieb juri wkoll il-valur tal-liġi bħala xjenza soċjali mill-perspettiva relazzjonali. Il-kittieba li taw sehemhom fih jistaqsu jekk il-liġi hijiex qed taqdi r-rwol tagħha biex jissaħħu r-relazzjonijiet, l-aktar fil-ħarsien tal-vulnerabbli. Il-liġi għandha tkun għodda li permezz tagħha jkunu mħarsa d-dinjità, il-ġustizzja, il-paċi u s-sigurtà, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali. Il-ktieb iħares lejn Ir-relazzjonijiet bħala dotazzjoni li tgħaqqad flimkien lill-bnedmin, membri tas-soċjetà u ħarriesa tal-pjaneta. Iħares lejn il-ġejjieni mil-lat tal-ġenerazzjoni żagħżugħa u ta’ istituzzjonijiet bħal Ġnus Magħquda.
Prof Borg qalet li l-messaġġ ewlieni tal-ktieb huwa konsistenti: il-liġi trid twassal għal relazzjonijiet fraterni biex hekk jingħeleb dak kollu li jwassal għal kunflitti u nuqqas ta’ paċi. Is-sistemi legali li jiffaċilitaw relazzjonijiet ġusti u ekwi jgħinu biex il-bnedmin ikun jistgħu jgħixu flimkien bħal aħwa f’soċjetà fejn ikun hemm aktar benesseri.
Jingħad “Ibi Societas ibi Jus”; jiġifieri li fejn hemm soċjetà hemm liġi: iżda forsi nistgħu ngħidu: “Ibi Homo ibi Jus”, li fejn hemm il-bniedem hemm liġi. Id-drittijiet individwali u komunitarji huma interdipendenti; il-liġi trid tiggarantixxi li ħadd ma jaqa’ lura u li kulħadd ikollu l-opportunità jagħti s-sehem tiegħu fis-soċjetà. M’għandux ikun hemm kompetizzjoni bejn id-drittijiet, li hemm bżonn jeżistu flimkien f’relazzjoni reċiproka, li hi l-bażi ta’ soċjetà ġusta u inklussiva.
Il-ktieb jindirizza wkoll it-tkattir ta’ liġijiet bi tweġiba għal soluzzjoni ta’ kunflitti, drittijiet kostituzzjonali u kumplessitajiet legali fejn jidħlu, per eżempju, kriżijiet ambjentali, data protection, intelliġenza artifiċjali u soċjetà diġitali. Spiss il-liġijiet isiru biex iwieġbu għal dak li jkun qed jhedded id-dinjità u l-libertà, iżda l-ktieb jisħaq dwar deskrizzjoni ċara tar-responsabbiltajiet u dwar integrazzjoni f’soċjetà multikulturali li tippromwovi l-paċi.
Jipproponi laqgħat istituzzjonali li jsaħħu kultura ġuridika ta’ paċi, tolleranza u rikonċiljazzjoni fil-waqt li jwissi kontra dipendenza bla kritika fuq it-teknolġija fejn tidħol ir-responsabbiltà legali. It-teknoloġija għandha l-lat pożittiv tagħha, iżda l-użu tagħha għandu jkun imrażżan minn qafas legali li jiżgura aċċessibiltà u sigurtà u jara li qed taqdi lill-bniedem.
Prof Borg qasmet l-esperjenza professjonali tagħha fil-waqt li għamlet riflessjoni dwar jekk il-liġi internazzjonali u l-multilateraliżmu humiex qed taqdu lill-gvernijiet jew il-popli. Il-multilateraliżmu, spiss meqjus bħala sfida għall-interessi nazzjonali, hu immaġinat bħala forza għall-umanità u mhux biss bħala politika tal-istat. Qalet li l-preambolu fil-Karta tal-Ġnus Magħquda — “Aħna l-ġnus tan-Nazzjonijiet Magħquda ddeċidejna …”— jenfasizza l-għażla ħielsa tal-poplu fil-multilateraliżmu. Il-Karta tenfasizza l-għażla tal-multilateraliżmu fuq l-unilateraliżmu, bil-għan li l-bnedmin “jipprattikaw it-tolleranza u jgħixu flimkien fil-paċi”, fejn il-multilateraliżmu mill-poplu u għall-poplu jkun it-triq li twassal għal dawn l-għaniet.
Il-multilateraliżmu demokratiku jinkludi diversi ilħna; is-soċjetà ċivili, il-komunitajiet u l-konsultazzjoni publika huma parti integrali mid-dibattiti multilaterali. Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fid-djalogu ta’ livell għoli fil-Ġnus Magħquda hu eżempju ta’ progress lejn il-paċi. Id-diplomazija, li tradizzjonalment tagħti s-sehem tagħha fejn jidħlu l-istati, qiegħda dejjem aktar tivvalorizza l-parteċipazzjoni anki f’dak li m’għandux x’jaqsam ma’ stat, l-aktar fejn jidħlu sfidi globali bħall-bidla fil-klima. Dan l-aħħar, per eżempju, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja wriet l-opinjoni tagħha meta saħqet li l-ħarsien tal-klima hu obbligu “erga omnes”, obbligu lejn il-bnedmin kollha, issa u fil-ġejjieni.
Il-liġi ma tridx timmira biss lejn il-ħarsien tad-drittijiet, imma tiġġenera responsabbiltà. Prof Borg saħqet li meta l-poplu jitlob bidla, bħal per eżempju l-bidla fil-klima, dawk l-istess nies li jgħollu leħinhom għall-kawża daqshekk nobbli jeħtieġ jistaqsu lilhom infushom x ’inhu dmirhom f’din il-kawża hekk ġusta? Is-soċjetà ċivili tkun kredibbli u tagħti sehemha għall-bidla, meta aħna ċ-ċittadini nieħdu fuq spallejna r-responsabbiltà anki bħala individwi u nkunu ta’ eżempju bl-imġiba tagħna. Huwa biss dan ir-rikonoxximent ta’ dmirna flimkien mas-sejħa għal dak li hu dritt li jista’ jbiegħed gvernijiet populisti milli jikkwotaw interessi “nazzjonali” biex joħduha kontra riformi li jwasslu għall-ġustizzja fil-klima li hi essenzjali għall-ħajja tal-bniedem.
Il-proposta li toħroġ minn dak kollu li hemm fil-ktieb hi li l-liġi tħares lejn il-familja tal-bnedmin, lejn il-fraternità bħala l-għan aħħari tagħha, biex dan iwassal għal soċjetà ġusta. Meta l-fraternità tkun il-kejl tas-sistemi legali, il-liġi tkun tista’ tassew ġġib magħha ħelsien u ugwaljanza. Prof Borg temmet il-preżentazzjoni tagħha billi spjegat li l-ktieb joffri triq ‘l quddiem fil-waqt li jħeġġeġ lil dawk li jagħmlu l-liġi u lil dawk li jħaddmuha u jgħixuha biex jevalwaw mill-ġdid is-sejħa li jkunu ċittadini, ħarriesa tal-kuxjenza soċjali u jagħrfu r-rwol tagħhom fil-qadi tal-ġustizzja. Ir-rule of law ma tiddipendix biss fuq il-leġiżlazzjoni imma tiddependi fuq l-impenn ta’ kulħadd: ta’ min jagħmel il-liġi, ta’ min jara li l-liġi qed taħdem u taċ-ċittadin, biex hekk il-libertà u l-ugwaljanza jkunu ankrati fil-fraternità umana għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada, u għall-pjaneta stess.
Id-diskors ta’ Prof Borġ bl-Ingliż:
https://focolaremalta.org/en/nergghu-nivvintaw-il-paci/


English




Add Comment