Kelma tal-Ħajja ta’ Awwissu 2019

Download pdf


“GĦAX FEJN HEMM IT-TEŻORI TAGĦKOM, HEMM TINSAB QALBKOM UKOLL” (LQ 12, 34).

Il-“qalb” hi l-aktar ħaġa intima, moħbija u importanti li għandna; hi t-“teżor” li jiswa l-aktar, li jserrħilna rasna għal-lum u għal li ġej. Fil-“qalb” hemm il-valuri li nħaddnu, l-għeruq talgħażliet li nagħmlu; hi l-post sigriet fejn niddeċiedu `l min nagħtu l-ewwel post f’ħajjitna.

Liema huwa t-“teżor” li minħabba fih lesti nwarrbu l-bqija?

Fis-soċjetà konsumistika tal-pajjiżi sinjuri, kollox iħajjarna naħżnu l-ġid materjali, naħsbu biss fuq il-bżonnijiet tagħna bla ma nagħtu kas tal-bżonnijiet tal-oħrajn, biex nikkonċentraw fuq il-ġid u l-effiċjenza tagħna nfusna. Imma San Luqa l-evanġelista, li għex fi żminijiet differenti ħafna, jagħtina dan il-kliem ta’ Ġesù bħala tagħlima deċiżiva li tgħodd għall-bnedmin ta’ kull żmien u ta’ kull pajjiż.

“GĦAX FEJN HEMM IT-TEŻORI TAGĦKOM, HEMM TINSAB QALBKOM UKOLL”.

Il-Vanġelu ta’ Luqa jisħaq bil-qawwa kollha fuq il-ħtieġa li nagħmlu għażla mill-qigħ, darba għal dejjem, li hi tipika tad-dixxiplu ta’ Ġesù: Alla l-Missier hu l-veru Ġid tagħna; irridu nagħtuh qalbna kollha, l-istess kif għamel Ġesù. Din l-għażla esklużiva ġġib magħha ħaġ’oħra: twassalna biex nintelqu b’fiduċja sħiħa f’Imħabbtu u hekk insiru tassew “għonja”, għax ulied Alla u werrieta ta’ Saltnatu.

Din hi xi ħaġa li torbot mal-libertà tagħna għax ma tħalliniex ninħakmu mill-ġid materjali, imma tagħmilna sidien veri ta’ ħajjitna.

L-għana ta’ din id-dinja jista’ jimla “qalbna” u jkabbar fina r-rebgħa għal aktar ġid, tant li nsiru niddependu fuqu. Filwaqt li meta nagħtu minn dak li għandna, kif tħeġġiġna nagħmlu din is-silta tal-Vanġelu, inkunu qed ngħixu dik il-ġustizzja li tiġi mill-ħniena, li permezz tagħha l-qalb ma tittaqqalx  u tkun lesta tinfetaħ għall-bnedmin li huma lkoll indaqs u aħwa ta’ xulxin.

Kull nisrani u l-komunità kollha ta’ dawk li jemmnu, jistgħu jsiru tassew bnedmin ħielsa billi jaqsmu l-ġid materjali u spiritwali tagħhom ma’ dawk fil-bżonn: dan hu l-istil ta’ ħajja nisranija li jagħti xhieda tal-vera fiduċja fil-Missier u jibni sisien sodi għaċ-ċiviltà tal-imħabba.

“GĦAX FEJN HEMM IT-TEŻORI TAGĦKOM, HEMM TINSAB QALBKOM UKOLL”.

Chiara Lubich tat suġġeriment siwi ħafna li jista’ jdawwalna biex ninħelsu mill-jasar tal-ġid:

“Għaliex Ġesù jinsisti daqshekk fuq il-bżonn li niċċaħħdu mill-ġid, u jagħmel dan bħala kundizzjoni  meħtieġa biex nimxu warajh? Għax l-ewwel ġid ta’ ħajjitna, il-veru teżor tagħna huwa Hu! […] Hu jridna nkunu bnedmin ħielsa, ħielsa minn dak kollu li jorbotna u jtaqqalna biex inkunu nistgħu nħobbuh tassew b’qalbna kollha, b’moħħna kollu u bil-forzi tagħna kollha. […] Jitlobna niċċaħħdu mill-ġid tagħna anki għax iridna nkunu miftuħin għalloħrajn […]. L-aktar mod sempliċi biex ‘niċċaħħdu’ hu li ‘nagħtu’.

Nagħtu mħabbitna `l Alla. […] U biex nuruh din l-imħabba, irridu nħobbu `l ħutna u nkunu lesti li nagħmlu kollox għalihom. Għandna ħafna ġid li nistgħu naqsmuh mal-oħrajn, anki jekk forsi ma naħsbuhiex hekk: nistgħu nagħtu l-għożża, nuru l-ħlewwa, naqsmu l-ferħ; nistgħu nużaw il-ħin tagħna  għall-oħrajn; nistgħu nitolbu, naqsmu l-affarijiet sbieħ li hemm ġewwa fina; xi drabi jkollna affarijiet, kotba, ilbies, flus […]. Ejjew nagħtu bla ma noqogħdu nirraġunaw iżżejjed u ngħidu: ‘Imma din xi darba jista’ jkolli bżonnha […]’. Kollox jista’ jkun ta’ siwi, iżda jekk nagħtu widen għal dawn is-suġġerimenti, norbtu qalbna ma’ kollox u jinbtu aktar bżonnijiet ġodda. Għandna nfittxu li jkollna biss dak li neħtieġu; u noqogħdu attenti li ma nitilfux `il Ġesù minħabba xi flus li ngeddsu jew xi ħaġa li nistgħu ngħaddu mingħajrha”1.

Marisa u Agostino, li ilhom 34 sena miżżewġin, għandhom dan x’jirrakkuntaw: “Wara tmien snin ta’ żwieġ, kollox kien sejjer tajjeb: id-dar u x-xogħol kienu eżatt kif konna rriduhom aħna; iżda  waslitilna proposta biex nitilqu mill-Italja u mmorru nagħtu daqqa t’id lil komunità żgħażugħa nisranija f’pajjiż fl-Amerika t’Isfel. Fost id-dubji li kellna, il-biża’ dwar il-ġejjieni, il-kummenti tan-nies li bdew jgħidulna boloh, it-tnejn li aħna bdejna nisimgħu leħen partikulari, li nissel fina paċi kbira: kien dak ta’ Ġesù li jgħidilna: ‘Ejja u imxi warajja’.

Iddeċidejna li mmorru u sibna ruħna f’ambjent differenti ħafna minn dak li konna mdorrijin fih. Kellna bżonn ta’ ħafna affarijiet, iżda sibna wkoll affarijiet ġodda, bħar-rabta sabiħa li bnejna ma’ ħafna nies. Għamilna wkoll esperjenza qawwija tal-Providenza t’Alla. Darba organizzajna party ċkejken u kull familja kellha ġġib xi ħaġa tal-ikel. Konna għadna kif naslu lura mill-Italja u ġibna magħna biċċa ġobon parmiġġjan kbira. Tgħid nieħdu biċċa minnu biex naqsmuha mal-familji l-oħra?. Il-ħsieb li kien se jispiċċa malajr beda jberren f’moħħna, iżda ftakarna fi kliem Ġesù: ‘Agħtu u jingħatalkom’ (Lq 6, 38). Ħarisna lejn xulxin u għidna: ħallejna pajjiżna, ix-xogħol, lil qrabatna, u issa se nintrabtu ma’ biċċa ġobon? Qtajna biċċa minnu u ħadnieha magħna. Jumejn wara ġie xi ħadd ifittixna: kien turist li ma konniex nafuh, ħabib ta’ ħbieb tagħna, li ġabilna pakkett mingħandhom. Ftaħnieh: kien fih biċċa ġobon parmiġġjan kbira. Rajna sseħħ il-wegħda ta’ Ġesù: ‘…kejl tajjeb, marsus, mheżheż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom’”.

Letizia Magri

1. C. Lubich, Kelma tal-Ħajja, Settembru 2004, fil-ktieb ‘Parole di Vita’, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5;  Città Nuova, Ruma, 2017) pġ. 729-731.

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. See our website data policy in the footer below.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.