In-nanna saret qisha tifla żgħira
Ommi mardet u saret qisha tifla żgħira, bil-kemm taf titkellem u ma tifhem xejn. Sa ftit ilu konna tassew imħawdin b’din is-sitwazzjoni u ma konniex nafu s’ser naqbdu nagħmlu. Ħbieb u qraba bdew jgħidulna li jkun aħjar jekk indaħħluha f’xi dar tal-anzjani li tkun tassew tgħodd għaliha. Wara li tkellimna maż-żewġ uliedna biex naraw x’ser nagħmlu, wasalna għall-konklużjoni li ngħinu lil xulxin u naqsmu sew il-ħin bejnietna biex inżommuha d-dar. Żewġi u jiena bdejna nibżgħu li din kienet ser tkun biċċa xogħol iebsa ħafna għat-tfal, iżda aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar bdew jieħdu ħsiebha u jagħtuha ħafna mħabba u rispett. Ir-rabta ma’ ommi saret waħda mill-isbaħ: tista’ tgħid li hemm mewġ ta’ mħabba għaddej il-ħin kollu. (Y.O. – Ġappun)
Agħti!
Lejla waħda ħija ma tantx kien qed iħossu tajjeb u ħsibna li jkun aħjar jekk noħduh l-isptar. Aħna familja fqira u għalhekk kelli mmur nitlob lill-ġirien isellfuni xi ftit flus biex jiena u ommi stajna nieħdu lil ħija l-isptar. Waqt li konna sejrin lejn l-isptar iltqajna ma’ raġel fqir li kien qed jitlob l-għajnuna. Ħriġt xi ħaġa tal-flus biex nagħtihielu, iżda ommi waqqfitni u qaltli: “Tagħtih xejn, il-flus għandna bżonnhom aħna”. Għidtilha: “Le ma, jekk nagħtu, Alla jgħinna”. U hekk għamilna. Meta konna deħlin l-isptar iltqajna ma’ tabib li jafna. Dan mill-ewwel ħa ħsiebna u għinna mill-aħjar li seta’, tant li ma ħallasniex sold għall-kura u l-mediċini li taw lil ħija. Ommi baqgħet milquta għall-aħħar. (M. – Eġitto)
L-eżempju
Patty, it-tifla ż-żgħira tagħna marret għal xi żmien California; marret ma’ ħabiba tagħha biex jipperfezzjonaw l-Ingliż. Ftit qabel ma waslet biex terġa’ tiġi lura, ċemplet u tatna aħbar li qatt ma konna qed nistennewha: qaltilna li kienet qed tistenna tarbija, li missier it-tarbija kien iħobbha iżda hi ma kenitx ċerta jekk riditx tiżżewġu. Din l-aħbar ħallietna bla kliem. Staqsiet jekk setgħetx terġa tiġi lura d-dar. Noqogħdu f’raħal ċkejken; kulħadd jafna u għandna fama tajba; din kienet sitwazzjoni li kienet ser ġġib fuqna għajb, iżda għidnielha li setgħet tiġi lura u konna lesti li nilqgħuha. Iż-żmien li kien fadal biex tiġi serva biex stajna nħejju ruħna ħa nilqugħha bl-aħjar mod li stajna, bla ebda ġudizzju, u kif kellha bżonn. Ġiet lura, it-tarbija twieldet u ġabet magħha ħafna ferħ. Ftit wara kien hemm familja oħra fir-raħal tagħna li għaddiet mill-istess sitwazzjoni; il-ġenituri qalulna: “L-eżempju tagħkom imliena b’ħafna kuraġġ u ppruvajna nagħmlu bħalkom”. (M.J.S. – Svizzera)
Be the first to comment