Hemm imħabba u mħabba

Meditazzjoni ta' Chiara Lubich

Jiena u nfittex li nħobb ’il Alla u ’l ħuti fhimt li meta aħna l-insara nħobbu ’l-proxxmu tagħna, inkunu tassew insara. Jiġifieri meta ma naħsbux fina nfusna imma f’Alla u fir-rieda tiegħu, li fuq kollox hi din: li nħobbu ’l-proxxmu tagħna.

Alla dan jitlob minna: biex inkunu tassew dak li aħna, jiġifieri nsara, biex “nilħqu l-milja tagħna”, jeħtieġ li “nxejnu lilna nfusna, ngħixu barra minna nfusna”, biex ngħid hekk ngħixu “b’ħarsitna mitlufa f’Alla”. Ngħixu mhux ir-rieda tagħna, imma dik t’Alla. Ngħixu għall-oħrajn. Imbagħad inkunu tassew dak li aħna.

Jiena wkoll ippruvajt ngħix hekk, li nħobb, imma ndunajt li hemm imħabba u mħabba.

Rajt li mhux biżżejjed inħenn xi ftit għall-oħrajn, ninteressa ruħi fit-tbatija tagħhom, infittex b’xi mod li nġorr it-toqol tagħhom. Fil-qosor, inħobb b’nofs qalb. Dan kollu mhux biżżejjed biex inkun kif iridni Ġesù. Minna Alla jitlob imħabba, atti ta’ mħabba li (għallinqas fl-intenzjoni u d-deċiżjoni) jkollhom il-kejl ta’ mħabbtu. Hu qal: “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (Ġw 13, 34).

Mela jeħtieġ li nkunu dejjem lesti li mmutu għal ħutna, u dak kollu li nkunu qed nagħmlu mument wara l-ieħor biex nuruh imħabbitna b’mod konkret, irid ikun mibni fuq din ir-rieda, fuq din id-deċiżjoni.

Imħabba bħal din biss togħġob lil Ġesù: mhux kwalunkwe mħabba, mhux kisja ħafifa ta’ mħabba, imma mħabba kbira li tasal li tirriskja l-istess ħajja.

B’imħabba bħal din aħna ngħixu għal kollox “barra minna nfusna”. Niċċaħħdu għal kollox għalina nfusna u, jekk inkunu iktar minn persuna waħda li nagħmlu hekk, ikollna t-tama li b’din iċ-ċaħda niġbdu lejna lil Kristu rxoxt, li jkun jista’ jgħix fostna. Infatti Hu ma jinsabx b’mod sħiħ fejn hemm xi ftit ta’ mħabba, imma fejn inkunu magħqudin f’ismu, jiġifieri fiH, skond ir-rieda tiegħu li hi li nħobbu kif ħabb Hu.

L’Arti tal-imħabba, Chiara Lubich, p. 102

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. See our website data policy in the footer below.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.