Għalkemm għaddew bosta snin mill-ewwel dehra tal-Madonna f’Lourdes, ir-riflessjoni ta’ Igino Giordani dwar din il-ġrajja għadha tqanqalna biex nistaqsu lilna nfusna dwar il-ħajja ta’ madwarna.
“Il-Madonna dehret lil Bernardette b’mod li ħadd ma kien jistennieh: Marija mnissla bla tebgħa tiddi bil-ġmiel tas-safa tagħha fuq miżbla; bħal qisu riedet tgħid li kellha tkun Hi li għandha ssaffi d-dinja minn dak il-ħama li jħassar il-valuri.
Marija, bint in-nies komuni li twieldet f’raħal umli fejn kienu jgħammru nies foqra, dehret lil Bernardette, bint il-ħaddiema ta’ raħal umli fejn kienu jgħixu nies tal-muntanji. Marija dehret lil Bernardette propju ftit wara li l-Papa Piju IX kien ipproklama d-domma tal-Kunċizzjoni fl-1854. B’din id-domma l-Papa wera l-kuntrast qawwi bejn l-ideal tas-safa, inkarnat f’Omm Alla u li nsibuh fit-tagħlim u l-għixien nisrani, u t-taħsir li jiġi mill-vizzji u l-passjonijiet bla rażan li kurrenti filosofiċi materjalisti jippromwovu u li politika interessata fil-qerda tal-etika tal-Knisja titkellem dwarhom. (…)
Marija, liebsa l-abjad u l-ikħal, tirrappreżenta l-Ideal tal-Ħajja kontra l-Mewt, li qabilha jiġi l-vizzju. Jekk Eva tat-Testment il-Qadim ċediet għall-għadu sa mill-ewwel laqgħa li kellha miegħu, Eva l-Ġdida ħelset minnu sa mit-tnissil tagħha, għax għall-merti tal-Iben li kellu jitwieled minnha hi ġiet mogħtija l-privileġġ li tkun imnissla bla tebgħa.
Hekk, fil-ħajja tal-bniedem daħal element ġdid: is-safa assolut, l-umanita’ bla tebgħa: dik il-qdusija divina li l-bniedem jeħtieġ biex ma jibqax miexi fit-triq tat-taħsir morali u intellettwali. It-Tnissil bla tebgħa jfisser forza radikali divina li tista’ taqleb ta’ taħt fuq il-mixja tal-istorja li qabdet it-triq tal-qerda.
It-tifsira tad-dehriet u tal-mirakli faċli nifhmuha, u għalhekk ġiet mogħtija lil tfajla sempliċi, bla skola. Hi universali, infirxet fost nies ġejjien minn kull klassi, minn kull post u kategorija. Is-safa hu kundizzjoni essenzjali (…) għal kulħadd u dejjem, iżda l-aktar fi żmienna meta biex ngħollu l-valur tal-ġisem qed inbaxxuh b’taħsir kontra n-natura.
Il-Knisja, Għalliema tal-Ħajja, toffrilna lil Dik li hi bla tebgħa: ideal ta’ ġmiel bla ebda dellijiet. Toffrilna lil Dik li hi Omm u Verġni: hi tagħtina lil Ġesu’, ‘It-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja” li hu s-Saħħa tal-umanita’.
( Iġino Giordani, It-Tifsira ta’ Lourdes, Citta’ Nuova n.3, 5/2/1958, p.5 )
Kemm hija sabiha. Mal Modonna ta’ Lourdes nahsbu fil-morda. Hawn niftakru ukoll fis-sbuhija tas-safa u is-semplicita’.