Kelma tal-Ħajja – Frar

“FITTEX IS-SLIEM U IMXI WARAJH” (SAL 34, 15)

F’dan is-salm is-sultan David wera l-ferħ u l-ħajr tiegħu quddiem il-miġemgħa. Hu għadda minn mumenti ta’ periklu u qtigħ il-qalb, imma dar b’fiduċja lejn Alla ta’ Iżrael u reġa’ sab is-sliem.

F’dan l-innu, il-protagonista hu Alla bil-ħniena tiegħu, bil-preżenza qawwija u deċiżiva tiegħu qrib il-fqir u l-batut li jduru lejH. David qed jgħidilna x’irridu nagħmlu jekk irridu li aħna wkoll ikollna l-istess salvazzjoni: għandna naħarbu dak kollu li hu ħażin, u nagħmlu dejjem it-tajjeb. Hu jisħaq fuq il-bżonn li ma nweġġgħux lill-proxxmu tagħna bi kliemna. Filfatt, il-kelma tista’ twassal għall-gwerra.

Fil-Bibbja, il-kelma sliem għandha diversi tifsiriet: tfisser saħħa fil-ġisem u fir-ruħ, jew ftehim bejn tnejn min-nies u bejn il-ġnus. Iżda qabel xejn is-sliem hu don t’Alla, li bih niskopru l-wiċċ tiegħu ta’ Missier. Mela, biex ikollna l-veru sliem, jeħtieġ li fuq kollox infittxu `l Alla f’ħajjitna bis-saħħa kollha tagħna.

Biex niksbu s-sliem irridu nagħmlu ħilitna kollha u nimxu fuq dak li tgħidilna l-kuxjenza li dejjem timbuttana biex nagħżlu t-triq it-tajba u mhux dik il-ħażina. Ħafna drabi jkun biżżejjed li nħallu `l Alla jiġi għandna għax Hu dejjem ifittex `il kull wieħed u waħda minna.

Bħala Nsara, aħna ġa għandna rabta mill-qrib ma’ Ġesù permezz tal-Magħmudija. Ġesù hu Alla li jinsab qrib tagħna, li wegħedna li jagħtina s-sliem tiegħu; Alla stess huwa l-paċi. Aħna rċevejna d-don tal-Ispirtu s-Santu, li hu Alla tal-faraġ u li jgħinna wkoll naqsmu mal-oħrajn il-frott tal-paċi t’Alla li ġarrabna f’ħajjitna. Hu jurina t-triq biex inħobbu `l dawk li jinsabu qrib tagħna u b’hekk negħlbu l-ġlied, nevitaw li nakkużawhom bla bżonn, li niġġudikawhom u nitkellmu ħażin fuqhom u niftħu qalbna ħalli nilqgħuhom kif imiss.

Forsi aħna ma nistgħux insikktu l-armi kollha li qed ixerrdu d-demm f’ħafna nħawi taddinja, imma nistgħu nagħmlu ħilitna biex fil-familji, fil-komunità nisranija, fuq il-post tax-xogħol u fil-post fejn ngħixu ntaffu l-feriti u jerġa’ jkollna l-għaqda u s-sliem bejnietna. Jekk ikun hemm komunità żgħira jew kbira li timpenja ruħha b’deċiżjoni biex tagħti xhieda għall-qawwa tal-imħabba, inkunu nistgħu nibnu pontijiet bejn gruppi soċjali, knejjes u partiti politiċi.

Jekk aħna nfittxu l-paċi b’konvinzjoni, nagħrfu kif għandna nġibu ruħna biex inħarsu
l-ħolqien, li hu wkoll don t’Alla għal uliedu u li aħna għandna r-responsabbiltà li ngħadduh lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.

Fl-1999 Chiara Lubich kitbet ittra lil Nikkio Niwano, il-fundatur tal-Moviment Buddista Ġappuniż li jismu Rissho Kosei Kai, fejn qaltlu: “[…] Jekk il-bniedem mhuwiex fil-paċi m’Alla, id-dinja stess ma tkunx fil-paċi. Dawk kollha li huma reliġjużi jħossu t-“tbatija” tad-dinja meta l-bniedem ma jagħmilx użu mid-dinja skont il-pjan t’Alla, imma jkun irid jippossediha. Dan l-egoiżmu u din il-kilba jħammġu l-ambjent aktar minn kull tniġġiż ieħor, li huwa konsegwenza ta’ dan. […] Jekk niskopru li l-ħolqien kollu hu don ta’ Missier li jħobbna, ikun eħfef li nsibu rabta armonjuża man-natura. U jekk niskopru wkoll li dan hu don għal kulħadd, u mhux biss għal xi wħud, noqogħdu aktar attenti u nirrispettaw `il dak li hu tal-bnedmin kollha ta’ issa u ta’ li ġej”.

Letizia Magri

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. See our website data policy in the footer below.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.