Kien għadu kif jibda x-xahar meta s-sistema awtomatika biex niftaħ il-bieb ta’ barra ma bdietx taħdem. Għal xi ġranet, kull darba li jiġi xi ħadd iċempel il-qanpiena tal-bieb tad-dar parrokkjali, kien ikolli nqum u mmur niftaħ. Nistqarr li xi drabi l-għażż kien ikun ser jegħlibni u kien ikolli t-tentazzjoni li nagħmel ta’ bir-ruħi li ma smajt xejn. Iżda b’xorti tajba dejjem irnexxili negħleb din it-tentazzjoni, għax kont ngħid f’qalbi: “Min jaf kif Ġesù jrid jippreżenta ruħu quddiemi f’dan il-mument!”
Is-sorpriżi ma naqsux. Xi ġranet ilu ġie wieħed anzjan li matul ħajtu tant ħa ħsieb il-foqra tar-raħal tagħna; kien jagħmel parti minn grupp fil-parroċċa li jieħdu ħsieb lil dawk fil-bżonn. Għandu tnejn u disgħin sena u milwi ganċ. Ġie jfittixni biex jgħidli li minħabba saħħtu ma setax ikompli jagħti dan is-servizz, li hu dejjem wettaq b’mod impekkabbli. Qalli li kien kuntent b’xi inizjattivi li kienu twaqqfu fil-parroċċa. Kelli ħafna xogħol x’nagħmel, iżda tlabtu jidħol u joqgħod bilqiegħda. Tkellimna dwar ħafna affarijiet….warrabt il-programm li kelli għal dik il-ġurnata u ddedikajt il-ħin li kien hemm bżonn għalih. Wara d-diskursata li għamilna flimkien telaq tant kuntent; u jien ħassejt fil-fond ta’ ruħi rabta partikulari mal-Mulej għax f’dak il-mument kont għamilt ħilti kollha biex inħobb.
Be the first to comment