Esperjenza qawwija tal-imħabba t’Alla

Familja li tagħmel parti mill-Moviment tal-Fokolari f’Malta kienet qed tħejji ruħha  biex tieħu sehem fil-Mariapoli 2020 li saret bejn is-6 u 8 ta’ Marzu. Iżda waslet telefonata li kienu ilhom xhur jistennewha u minflok telqu lejn l-Indja. L-imħallef f’Qorti tal-Indja xtaq jiltaqa’ magħhom għax kellhom ċans kbir li jaddottaw it-tieni wild. Johann, Nicolette u Leah Mae ippakjaw malajr sabiex imorru jiltaqgħu maċ-ċkejkna Francesca.

Kien propju fis-7 ta’ Marzu, waqt il-quddiesa  fit-tieni jum tal-Mariapoli meta rċevejna  l-aħbar sabiħa li l-imħallef aċċetta li l-familja Borġ Vassallo jsiru familja ta’ erbgħa.

Intant bdiet tiggrava s-sitwazzjoni minħabba l-Covid-19; bdew jiżdiedu r-restrizzjonijiet, jonqsu t-titjiriet, jingħalqu wkoll xi ajruporti … U Johann u Nicolette kienu għadhom l-Indja  jistennew li jinħareġ il-passaport taċ-ċkejkna Francesca. Iżda fl-Indja wkoll beda l-‘lockdown’ u b’hekk il-karti ma setgħux jiġu pproċessati. Hu maħsub li dan il-‘lockdown’ ser idum sal-aħħar ta’ April, u għalhekk Nicolette u Johann qed jgħixu mal-familja f’kamra żgħira f’lukanda mingħajr kuntatt fiżiku ma ħadd. Qed jgħaddu  ġranet sħaħ b’ikel limitat u joħorġu  biss biex  jixtru l-ħalib u l-bżonnijiet għat-tfal.  U bħalma wieħed jista’ jimmaġina l-ispejjeż bdew telgħin ukoll.

Iżda f’dan il-mument iebes din il-familja qed tagħmel esperjenza qawwija ħafna tal-imħabba t’Alla li qed turi ruħha anki  permezz tal-qalb ġeneruża ta’ bosta nies, li forsi anki bil-kemm jafuhom, u li qed jibagħtulhom messaġġi, donazzjonijiet u kliem ta’ kuraġġ.

Huma jħossu wkoll il-qawwa tat-talb li qed tikkumpanjahom f’din l-avventura u  grati ħafna ta’ dan.

Ruth & Brian Spiteri


Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. See our website data policy in the footer below.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.