Anthony Patrick Vella, pittur u artist rinomat f’pajjiżna li jesprimi lilu nnifsu u jikkomunika speċjalment permezz tal-pittura.
X’inhi l-pittura?
Il-pittura hi espressjoni li toħroġ minn esperjenzi personali u fl-istess ħin kollettiva, ghax aħna ma ngħixux ġewwa vakum iżda mal-oħrajn. Din l-espressjoni materjalizzata maħruġa mir-ruħ ta’ individwu jew grupp ta’ individwi f’azzjoni kollettiva magħmula f’linja, marki, b’materjali, espressjoni ta’ emozzjoni u deċiżjoni meqjusa u b’riskju.
X’inhu l-kulur favorit tieghek
Turchese (azzurro verde) verdemare, abbinat ma’ pigmenti u lwien ħamranin.
Liema artist jew pittur influwenzak f’ħajtek?
Jien kont ħabib ta’ Josef Calleja. Kien bniedem u artist spiritwali, profond u bħala artist, kien barra minn żmienu. Meta kont naħdem mal-pittur Frank Portelli, kelli l-opportunità li naħdem fuq proġetti varjati. Frank kien bniedem li japprezza u jinkoraġġixxi. Ispirawni ħafna artisti oħra ta’ żminijiet differenti, fosthom Giotto di Bodone u Alexander Calder.
Hemm xi biċċa xoghol tal-arti li tixtieqha tkun f’darek ħdejn biċċa xoghol tieghek?
Jien minix kollezzjonist iżda li kieku nista’, nagħżel l-annunzjazzjoni ta’ Antonello da Messina li tinsab fil mużew Abatellis, Palermo. Hija opra profondament specjali. Din il-pittura li tirrapreżenta ritratt ta’ mara fuq sfond skur, b’ħarsitha laġemba kważi mħassba iżda b’idejha l-leminija merfugħa ‘l fuq, appena qalet l-iva tagħha, deċiżjoni riskjuża imma b’massima fiduċja lejn il-Ħallieq.
X’inhi l-aqwa ħaġa biex tesebixxi pittura?
Pittura għandha tiġi esebita fil-post fejn kienet maħsuba li tiddendel. Jekk tkun f’mużew, għandha tiġi esebita f’kamra waħedha fejn wieħed ikun jista’ jikkontemplaha.
X’inhuma l-limiti tal-pittura?
Il-pittura m’għandhiex limiti, la min-naħa tal-artist u lanqas min-naħa tal-qarrej, tillimita biss id-dispożizzjoni mentali, soċjali u edukattiva ta’ min ikun qiegħed jaqra l-arti, għax ma jkunx jista’ jinteraġġixxi. Ħafna drabi jkunu dawn stess li jippretendu mill-artist mhux il-krejattività tiegħu iżda li jridu huma.
Kif tibda biċċa xogħol tal-arti – għandek xi ritwali partikolari?
Qabel ma nibda naħdem, nagħmel xi ħin fis-skiet nisma’ u niddjaloga mal-Ħallieq sakemm nintelaq f’idejn dik il-forza li tmexxi l-eżistenza sabiex kull deċiżjoni u azzjoni tiegħi tkun favur l-umanità.
Hemm futur ghall-pittura?
U-pittura hija neċessita’ tal-bniedem li jikkomunika, jiddjaloga u jħalli marka possibilment li ma titħassarx jew aħjar, li ddum ma titħassar.
Li kieku kellek terġa’ titwieled mill-ġdid, terġa’ ssir pittur?
Nagħżel li nerġa’ ngħaddi mill-istess esperjenza, għax apparti d-diffikultajiet, f’ħajti ltqajt ma’ nies ta’ veru li għallmuni u ffurmawni.
Il-pittura u l-estetika arkitettonika tibqa’ parti integrali fil-hsieb konċettwali li jimpenjani u jtini approċċ globali u ħolistiku, għaldaqstant inħossni bniedem u artist rinaxximentali.
Taħseb li l-pittura tallum hija sotto-valutata?
Fl-opinjoni tiegħi, il-pittura ta’ valur, dik li qieghda hemm lesta li tikkomunika, mhux mhijiex apprezzata, iżda mhijiex miftehma.
L-ghażla u l-gosti tal-arti ghall-poplu hija limitata min-nuqqas ta’ għarfien u istruzzjoni artistika. Kif jista’ jkun li wieħed jesterjorizza opinjoni valida jekk qatt ma interjorizza?
Il-pittura qiegħda u tibqa’ hemm biex tikkomunika, jiddependi minna jekk insikktux il-prekonċetti u nħalluhiex tkellimna. Jistgħu jgħaddu l-ġimghat u aktar, hi tistenniena nifhmuha biex ninteraġixxu magħha.
Din l-intervista ta’ Christian Muscat giet ippubblikata fuq “L’Orizzont” fl-10 ta’ Ġunju 2019
Anthony Patrick Vella’s artwork can be viewed on his website: anthonypatrickvella.com
Be the first to comment