“Mhux sejra lura mid-deċiżjoni li ħadt”

Xi ġranet ilu sirt naf dwar il-bżonn ta’ appartamenti għal tobba u nurses li qed jaħdmu f’riskju tal- Coronavirus u  li kien ikun aħjar għalihom li ma jibqgħux joqogħdu mal-familji tagħhom.

Għandi appartament l-Imsida li hu  qrib ħafna tal-isptar, imma bħalissa vojt għax lil min kont nikrih ħareġ. Ħsibt li noffrih lil dawn in-nies li qed jissugraw ħajjithom għalina, u li għandhom bżonn is-sapport tagħna f’dan il-mument iebes meta qed jaħdmu siegħat twal u jiċċaħħdu mill-familji tagħhom. “Għaliex le?” għidt “Mhux xi ħaġa kbira, nitlef il-kera ta’ xi  xahrejn!”

Staqsejt lill-mara ta’ ibni li taħdem fil-qasam tas-saħħa biex inkun żgura li din kienet talba ġenwina u biex tikseb informazzjoni dwarha. Meta kellimtha dwar dan,  staqsietni jekk kontx lesta li noffrih lil oħtha. Oħtha hi tabiba, li bħalissa qed taħdem ma’ team li għandu x’jaqsam mal-Covid-19 u  xtaqet li ma tibqax tgħix mal-ġenituri tagħha li t-tnejn għandhom fuq is-sebgħin sena.  Ma kelli ebda problema  li noffrihulha għax din hi tabiba wkoll, u hekk għamilt. Tlabtha biss tieħu ħsieb tħallas il-kont tal-ilma u d-dawl.

Dakinhar stess filgħaxija rrealizzajt li n-nies, li jikru l-appartment l-ieħor li għandi, jaħdmu fil-qasam tat-turiżmu, li ntlaqat sew minn din il-kriżi.  U bdejt naħseb: dawn żgur ser iċemplu biex innaqsilhom il-kera. U għidt: minn kera ta’ żewġ appartamenti ser nispiċċa b’nofs kera ta’ wieħed. Barra minn hekk, ma kontx qed nistenna li naħdem wara Marzu.

Iżda ħassejt li ma stajtx immur lura mid-deċiżjoni li kont ħadt. Kelli nagħmel il-parti tiegħi kollha li ma kenitx biss li nibqa’ d-dar skont kif inhu mitlub minna lkoll. Id-dħul tiegħi ser jonqos b’mod drastiku, imma jeħtieġ li naħseb fl-oħrajn. U nemmen fil-Providenza!

J. E. (Malta)

2 Comments

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.