Indunajt li waħda mill-ġirien tiegħi bdiet sejra lura ħafna wara l-mewt ta’ żewġha. Bil-kemm kienet qed tiekol u bdiet titlef kull sens tal-ħajja. Għaddiet minn mumenti tassew koroh.
Bdejt immur nittawlilha ta’ spiss u nara x’għandha bżonn u anki noħdilha xi ħaġa tal-ikel. Ir-relazzjoni ta’ bejnietna kompliet tikber u mhux l-ewwel darba li bkejna xi bikja flimkien. Ħassejt li kelli nikkonvinċiha tkellem tabib, u fl-aħħar irnexxili . It-tabib taha l-mediċina li kellha bżonn u mill-ewwel bdiet tmur għall-aħjar.
Bqajt inċemplilha spiss; xi drabi anki nagħmlul xi passiġġata flimkien jew immorru għall-Quddiesa flimkien. Ninduna kemm tapprezza u kemm hu veru li l-imħabba tiġġenera mħabba. M’ilux kont ma niflahx u ċemplitli tlett darbiet f’gurnata biex tara kif jien! U ftit ilu konna qed nitkellmu fuq l-ikel u fost affarijiet oħra għidtilha li nħobb il-qaqoċċ imma ma nsajrux ….. Għaddew ftit ġranet u meta sajret il-qaqoċċ għaliha, għamlet waħda għalija wkoll.
Għalkemm illum tħossha ħafna aħjar u bdiet tagħmel il-kuraġġ, iżda nifhem ukoll it-tbatija ta’ din il-mara li sabet ruħha waħidha. U nagħmel ħilti biex hi tħoss li ghalija saret wahda mill-familja!
C.S. (Malta)
Be the first to comment