Inkunu poplu tal-Għid

B’din is-silta minn messaġġ li Chiara Lubich wasslitilna għall-Għid 1994, nawguraw lil xulxin l-Għid Qaddis!

“Għeżież,

Il-festa tal-Għid, l-akbar festa tas-sena hi fil-qrib, u magħha l-Ġimgħa Mqaddsa, li hi mimlija bil-misteri l-aktar prezzjużi tal-ħajja ta’ Ġesù. Nagħmlu t-tifkira ta’ dawn il-misteri: l-Ħamis. Il-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd tal-Qawmien, u għalina dawn jirrappreżentaw l-aspetti ċentrali tal-ispiritwalità tagħna. (…)

Niċċelebrawhom mal-Knisja permezz tal-liturġija mqaddsa, imma la triqtna hi “triq tal-ħajja”, aħna nagħmlu ħilitna biex nonorawhom ukoll b’ħajjitna.

Mela, allura x’ser ngħixu matul dawn il-jiem imbierka? Naħseb li jekk ngħixu l-Għid, jiġifieri jekk inħallu lil Ġesù li qam mill-mewt jgħix fina, dan ikun l-aħjar mod kif ngħixuhom kollha. Fil-fatt, jekk irridu li Kristu Rxoxt jiddi fina, jeħtieġ li nħobbu lil Ġesù Abbandunat u mmorru “lil ‘l hemm mill-pjaga”- kif ngħidu aħna – fejn l-imħabba hi reġina. Hi din l-imħabba li tqanqalna biex ngħixu l-Kmandament il-Ġdid, li tħeġġiġna biex nersqu lejn l-Ewkaristija li ssaħħaħ fina din l-imħabba divina. Hi din l-imħabba li twassalna biex ngħixu l-għaqda m’ Alla u ma’ ħutna l-bnedmin. Hu permezz ta’ din l-imħabba li b’xi mod nistgħu nkunu Marija oħra.

Iva, l-aħjar mod biex ngħixu l-aspetti differenti tal-ħajja ta’ Ġesù, li nagħmlu t-tifkira tagħhom matul il-Ġimgħa Mqaddsa, hu li nipproponu lilna nfusna li nħallu lil Kristu Rxoxt jgħix fina.

Għeżież, dan hu li nixtiequ nipproponu u dan hu li għandna nfittxu li ngħixu.

Jekk ngħixu dan ilkoll flimkien, inkunu tassew il-Poplu tal-Għid …. U hekk, inkunu nistgħu nifhmu aħjar il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù.”

Chiara Lubich

 


 

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.