Kelma tal-Ħajja ta’ Awwissu

Download pdf


“L-ikbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet huwa dak li jċekken lilu nnifsu bħal dan it-tfajjel żgħir” (Mt 18, 4).

Min hu l-akbar, l-aqwa, ir-rebbieħ fis-soċjetà, fil-Knisja, fil-politika, fis-suq?

Din il-mistoqsija tifridna minn xulxin, turina l-għażliet li rridu nagħmlu, tiddeċiedi l-passi li rridu nieħdu. Din hi l-loġika li tirbaħ fuq kollox, u bla ma nindunaw inħaddmuha, forsi bix-xewqa li niksbu riżultati tajba u effiċjenti għal ta’ madwarna.

Hawnhekk il-Vanġelu ta’ San Mattew jurina d-dixxipli ta’ Ġesù li, wara li laqgħu l-aħbar tas-Saltna tas-Sema, iridu jkunu jafu x’irid ikollhom biex ikunu nies li jirnexxu fost il-poplu ġdid t’Alla: “Min hu l-ikbar wieħed”. Id-dixxipli ta’ Ġesù lanqas kienu jobsru t-tweġiba tiegħu: poġġa tifel żgħir f’nofs il-folla u qalilhom:

“L-ikbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet huwa dak li jċekken lilu nnifsu bħal dan it-tfajjel żgħir”.

Minflok il-mentalità ta’ kompetizzjoni u dik ta’ ‘m’għandi bżonn lil ħadd’, Ġesù poġġa ʼl min m’għandux biex jiftaħar u x’jiddefendi; lil min jiddependi għal kollox u jafda lilu nnifsu f’idejn ħaddieħor. Ma jfissirx li għandna nkunu moħħ ir-riħ, jew li ma nkunux responsabbli, imma li nagħmlu att ta’ volontà u ta’ libertà. Infatti Ġesù jitlobna nkunu ċkejknin, u li b’deċiżjoni nibdlu r-rotta ta’ ħajjitna.

“L-ikbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet huwa dak li jċekken lilu nnifsu bħal dan it-tfajjel żgħir”.

Chiara Lubich tfissrilna min hu dan it-tfajjel tal-Vanġelu: “[…] tifel żgħir jintelaq b’fiduċja f’idejn missieru u ommu: jemmen li huma jħobbuh. […] In-nisrani veru, bħal tifel żgħir, jemmen li Alla jħobbu, jintefa’ fi ħdan Missierna tas-Smewwiet, jafda għal kollox fiH. […] It-tfal iż-żgħar jiddependu għal kollox mill-ġenituri tagħhom, […]. Aħna wkoll, bħal dak it-‘tfajjel tal-Vanġelu’, niddependu għal kollox mill-Missier: […] Hu jaf x’neħtieġu, qabel ma aħna nitolbuH, u Hu jagħtihulna. L-istess saltna t’Alla mhix xi ħaġa li tirbaħha, imma nilqgħuha bħala rigal minn idejn il-Missier”.

Chiara terġa’ tisħaq fuq l-importanza li t-tifel iż-żgħir jafda bi sħiħ f’missieru u jitgħallem kollox mingħandu. L-istess ħaġa: ‘it-tfajjel tal-Vanġelu’ jintelaq għal kollox fil-ħniena t’Alla u, bla ma jkompli jiftakar fl-imgħoddi, kuljum jibda ħajja ġdida, lest li jilqa’ dak li jgħidlu l-Ispirtu, ikun dejjem krejattiv. It-tifel żgħir ma jitgħallimx jitkellem waħdu, għandu bżonn lil min jgħallmu. Id-dixxiplu ta’ Ġesù […] jitgħallem kollox mill-Kelma t’Alla, sa ma jibda jitkellem u jgħix skont il-Vanġelu”.

It-tfajjel minn jeddu jibda jimita lil missieru. “Hekk ukoll it-‘tfajjel tal-Vanġelu’, […] lil kulħadd iħobb għax il-Missier ‘itella’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq min mhuwiex, u jniżżel ix-xita tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin’; jibda jħobb hu l-ewwel għax Hu ħabbna meta konna għadna midinbin; iħobb bla ma jistenna xejn lura, bla interessi ta’ xejn għax l-istess jagħmel il-Missier tagħna tas-smewwiet” .

“L-ikbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet huwa dak li jċekken lilu nnifsu bħal dan it-tfajjel żgħir”.

Fil-Kolumbja (pajjiż fl-Amerka t’Isfel), Vicente u l-familja tiegħu għaddew mill-prova tal-pandemija, meta fil-pajjiż kien hemm ordnijiet stretti ħafna li ħadd ma jista’ joħroġ barra. Kitbilna hekk: “Meta ma stajniex aktar noħorġu, f’daqqa waħda l-ħajja nbidlet. Marti u ż-żewġt itfal kbar tagħna riedu jħejju ruħhom għall-eżamijiet tal-università; iż-żgħir ma setgħax jidra l-lezzjonijiet on-line. Id-dar ħadd ma kellu ħin jieħu ħsieb l-oħrajn. Qalb dan it-taħwid kollu, meta konna wasalna biex nisplodu, fhimt li dik kienet opportunità biex ngħix bis-serjetà l-arti tal-imħabba fil-‘ħajja ġdida tagħna’, dik li nintefa’ ngħix il-Vanġelu.

Bdejt billi għamilt ftit ordni fil-kċina, kont insajjar u norganizza l-ikliet. Jien m’iniex xi kok espert, lanqas ma jien preċiż fit-tindif, imma fhimt li b’dak li kont qed nagħmel jien kien qed jgħin biex innaqqsu n-nervi ta’ bejnietna. Dak li b’att ta’ mħabba bdejt nagħmel jien, għal xhur sħaħ bdew jagħmluh ukoll l-oħrajn. Meta l-membri l-oħra tal-familja spiċċaw mill-impenji tagħhom, bdew jgħinu fit-tindif, u jpoġġu kollox f’postu. Flimkien indunajna li kliem il-Vanġelu hu veru u li l-fantasija tal-imħabba tissuġġerixxi x’għandna nagħmlu biex ngħixu f’ordni u armonija”.

Letizia Magri

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.