Nixħtu kull inkwiet tagħna fi ħdan il-Missier

Ħsieb ta’ Chiara Lubich (mill-Kollegament CH, 26 ta’ Marzu 1987)

“Intom tafu li l-ispiritwalità tagħna (li hi t-triq tagħna biex nitqaddsu) isserraħ fuq punt li minnu twieldet din l-ispiritwalità kollha kemm hi: il-fidi fl-imħabba t’Alla, nagħrfu li m’aħniex waħidna, li m’aħniex iltiema għax għandna Missier li jħobbna. Din il-fidi nistgħu ngħixuha meta jkollna xi ħsieb li jtaqqalna, li ma jħalliniex kwieti. Xi drabi jista’ jkun biża’ dwar il-ġejjieni, inkwiet minħabba saħħitna, biża’ kbir minħabba f’xi periklu, diqa ta’ qalb minħabba qrabatna, inkwiet fuq ix-xogħol, dubji għax ma nafux x’naqbdu nagħmlu, biża’ għax nisimgħu xi aħbarijiet koroh, u biżgħat oħra ta’ kull xorta…

Huwa propju f’dawn il-mumenti, f’dawn il-waqtiet ta’ qtigħ il-qalb li Alla jridna nemmnu f’imħabbtu u jitlob minna att ta’ fiduċja: (…) Hu jrid li napprofittaw ruħna minn dawn iċ-ċircustanzi ta’ tbatija biex nuruH li nemmnu f’imħabbtu. U dan ifisser li nemmnu li hu Missierna u li jaħseb fina. U għalhekk nixħtu fi ħdanu kull inkwiet li jkollna. Ngħabbuh fuqu.

L-Iskrittura tgħid: “Ixħtu fuqu l-ħsibijiet kollha tagħkom għax hu jaħseb fihom” (1 Pt 5,7). U kif jafferma kumment, fil-prattika dan ifisser li bħalma piż jitgħabba fuq si bhima tat-tagħbija, hekk l-Insara għandhom jgħabbu l-inkwiet tagħhom fuq il-Missier tas-Smewwiet. Alla hu Missier u Hu jrid li wliedu jkunu ferħana; għalhekk Hu jieħu fuqu l-piżijiet kollha tagħhom. Barra minn hekk, Alla hu Mħabba u Hu jrid li wliedu jkunu mħabba.

Imma l-inkwiet, il-qtigħ il-qalb, il-biża’, dawn kollha huma affarijiet li jinblukkaw lil ruħna, li jagħlquna fina nfusna u li ma jħalluniex ninfetħu għal Alla billi nagħmlu r-rieda tiegħu u għall-proxxmu billi nsiru ħaġa waħda miegħu u nħobbuh kif jixraq. Fl-ewwel żmenijiet tal-Moviment meta l-Ispirtu s-Santu beda jgħallimna nagħmlu l-ewwel passi fil-ħajja tal-imħabba (…), ma bqajniex ngħixu l-ħajja b’mod uman biss, imma bdejna ngħixuha b’mod sopranaturali, divin. Dan ifisser li bdejna nħobbu. U la l-inkwiet ifixkel ‘l-imħabba, l-Ispirtu s-Santu kellu jgħallimna kif nagħmlu biex ma nħalluhx ifixkilna.

U hekk għamel. Niftakar li konna ngħidu li kif ma tistax iżżomm ġamra taħraq fuq idejk u malajr tneħħiha għax inkella taħraqlek idek, hekk irridu nagħmlu b’dak li jinkwietana: nixħtuh mill-ewwel fi ħdan il-Missier. U ma niftakar ebda darba li xħetna xi nkwiet fi ħdanU u Hu ma ħax ħsiebna.

Għeżież, mhux dejjem faċli li nemmnu, li nemmnu f’Alla mħabba; imma hemm bżonn li nagħmlu ħilitna kollha biex nagħmlu dan f’kull sitwazzjoni, anki f’dawk diffiċli li tant jikkonfonduna. Hu ma jitlaqniex, imma jieħu ħsiebna. (…) Mela, ejjew nixħtu kull inkwiet tagħma fi ħdanu. U nkunu ħielsa biex inħobbu. Inkunu nistgħu niġru aktar fit-triq tal-imħabba li, kif nafu, twassal għall-qdusija.”

Chiara Lubich

(Mollens, Svizzera, 26.3.1987)

1 Comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.