“Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi; minn min għandi nibża’?” (Sal 27 [26], 1).
“Ftit wara t-twelid ta’ Mariana, it-tobba qalulna li kellha tiċrita f’moħħha. Kienet se titwieled muta u ma timxix. Ħassejna li Alla kien qed jitlobna nħobbuha hekk kif inhi u poġġejna ruħna f’dirgħajH bħala Missierna li hu fis-smewwiet”. Hekk kitbet omm żgħażugħa mill-Brażil, u żiedet tgħid hekk: “Damet tgħix magħna erba’ snin u ħalliet fina messaġġ ta’ mħabba. Qatt ma smajnieha tgħid pa u ma, imma fis-skiet tagħha kienet tkellimna b’għajnejha, li kienu tassew sbieħ. Ma stajniex ngħallmuha timxi, imma hi għallmitna nagħmlu l-ewwel passi fl-imħabba, fiċ-ċaħda tagħna nfusna biex inħobbu. Mariana kienet don tal-imħabba t’Alla għall-familja kollha li nistgħu niġbruh fi ftit kliem: l-imħabba ma titfissirx bil-kliem”.
Hekk ukoll jiġri lilna llum: quddiem in-nuqqas ta’ ħila tagħna biex nikkmandaw lil ħajjitna kollha, għandna bżonn tad-dawl, anki l-iċken xaqq ta’ dawl li jurina minn fejn irridu ngħaddu, il-passi li rridu nagħmlu llum sabiex iwassluna għas-salvazzjoni u għal ħajja ġdida.
“Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi; minn min għandi nibża’?”.
Id-dalma li ġġib magħha t-tbatija, il-biża’, id-dubju, is-solitudni, il-mewġ tal-ħajja li jxejnu l-ħolm tagħna, hi esperjenza li jgħaddu minnha l-bnedmin kollha tad-dinja u f’kull żmien tal-istorja tal-bniedem, kif tixhed din it-talba qadima li nsibuha fil-ktieb tas-Salmi.
Il-kittieb hu aktarx wieħed li kien ġie akkużat inġustament; abbandunat minn kulħadd, u issa qed jistenna l-ħaqq. Ma jafx x’hemm lest għalih, imma jibqa’ jafda f’Alla. Jaf li Hu ma jabbandunax il-poplu tiegħu fil-mumenti ta’ prova, jagħraf l-Id t’Alla li teħles. Għalhekk fiH se jsib id-dawl u se jirċievi kenn sod ’il bogħod mill-għadu.
Propju għax jaf bid-dgħufija tiegħu, hu jinfetaħ għall-kunfidenza m’Alla, jilqa’ l-preżenza Tiegħu f’ħajtu u b’fiduċja sħiħa qed jistenna r-rebħa. Imma sadattant ma jobsorx it-toroq li jwassluh għal Imħabbtu.
“Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi; minn min għandi nibża’?”.
Issa wasal iż-żmien opportun biex inkebbsu mill-ġdid il-fiduċja tagħna fl-imħabba tal-Missier, li jrid lil uliedu ferħana. Hu lest jieħu fuqu l-inkwiet tagħna1 u b’hekk aħna ma ningħalqux fina nfusna, imma nkunu liberi li naqsmu mal-oħrajn id-dawl u t-tama tagħna.
Kif tgħid Chiara Lubich fuq din il-Kelma tal-Ħajja, Hu jgħinna fil-mixja tagħna biex ngħaddu mid-dlam għad-dawl, mill-jien biss għal aħna lkoll: “[…] Din hi stedina biex insaħħu l-fidi tagħna: Alla jeżisti u jħobbni. […] Meta niltaqa’ ma’ xi ħadd, irrid nemmen li permezz ta’ din il-persuna, Alla jrid jgħidli xi ħaġa. Fix-xogħol tiegħi, irid ikolli fidi f’imħabbtU. Meta tasal it-tbatija, irrid nemmen li Alla jħobbni. Meta jasal il-ferħ, naf li Alla jħobbni. Hu jinsab hawn miegħi, Hu dejjem miegħi, jaf kollox fuqi u jaqsam magħna l-ħsibijiet, il-ferħ, ix-xewqat, jgħinna nġorru kull tagħbija, kull prova tal-ħajja.
Kif għandna nsaħħu din iċ-ċertezza? […] Irridu nfittxuH preżenti f’nofsna. Hu wegħidna li fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismu, Hu jkun hemm magħna2. Ejjew mela, aħna lkoll li ngħixu l-Kelma tal-Ħajja, niltaqgħu u nħobbu lil xulxin, naqsmu flimkien l-esperjenzi u nduqu l-frott tal-preżenza Tiegħu, li huma paċi, dawl u kuraġġ. Hu jibqa’ ma’ kull wieħed u waħda minna u aħna nibqgħu nħossuH kuljum qrib tagħna, u jaħdem f’ħajjitna” (3).
Letizia Magri
- Ara 1 Pt 5, 7
- Ara Mt 18, 20
- C. Lubich, Kelma tal-Hajja ta’ Lulju 2006, fil-ktieb, Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Citta Nuovà, Roma 2017); pġ. 785-786
Be the first to comment