Chiara Lubich titkellem dwar is-7 ta’ Diċembru 1943
“(..) Ilum meta nħarsu lura nifhmu x’tista’ tgħidilna l-ġurnata tas-7 ta’ Diċembru 1943, sena li fiha twieled il-Moviment. Tgħidilna li niżel fuq l-art dawl ġdid, kariżma tal-Ispirtu s-Santu, dawl li fil-ħsieb t’Alla kellu jaqta’ l-għatx ta’ din id-dinja bl-ilma tal-Għerf, li kellu jsaħħan lid-dinja bl-imħabba divina, u hekk jagħti ħajja lil poplu ġdid li jmantni lilu nnifsu bil-Vanġelu (…).
U la Alla hu konkret fl-imġiba tiegħu, Hu malajr ipprovda l-ewwel ġebla biex ikun hemm din il-binja: din l-Opra, li kellha tkun ta’ siwi għal dak li kien hemm fil-ħsieb tiegħu. Ħaseb biex isejjaħ lili daqsxejn ta’ tfajla, u jien ikkonsagrajt ruħi Lilu; għidt l-“iva” tiegħi lil Alla, u warajha malajr kien hemm l-“iva” ta’ bosta nisa u rġiel żgħażagħ oħra.
Għalhekk dik il-ġurnata titkellem dwar dawl u għotja ta’ kreaturi lil Alla, għodda f’idejH sabiex iseħħ il-pjan tiegħu. Dawl u għotja: dawn iż-żewġ kelmiet kienu jiswew ħafna f’dak iż-żmien ta’ taħwid, ta’ mibegħda u gwerra. Kien żmien ta’ dlam meta Alla bħal qisu ma kienx fid-dinja bl-imħabba, il-paċi, il-ferħ u l-gwida tiegħu; bħal qisu ħadd ma kien jimpurtah minnu.
Dawl u għotja tagħna nfusna lil Alla, huma żewġ kelmiet li s-Sema tixtieq ittennihom anki llum meta fid-dinja tagħna hawn tant gwerer, u l-aktar li jbeżżagħna hu t-terroriżmu.
Dawl ifisser l-Verb, il-Kelma, il-Vanġelu, li ħafna għadhom ma jafuhx, u li fuq kollox ftit jgħixuh.
L-għotja tagħna lil Alla llum hi aktar minn qatt qabel meħtieġa u importanti. Jekk hemm tant rġiel u nisa lesti li jagħtu ħajjithom għat-terroriżmu, mela x’għandna nagħmlu aħna l-insara, li nimxu wara Alla li kien imsallab u abbandunat biex titwieled dinja ġdida, għall-fidwa tagħna u għal dik il-Ħajja fejn ix-xemx ma tinżel qatt?”
Chiara Lubich
(Castel Gandolfo, 11 ta’ Diċembru 2003, ippubblikat fil-ktieb Chiara Lubich, In unità verso il Padre, Ruma 2004, p. 130-132)
Be the first to comment