Ġesù mhuwiex wieħed li ma jimpurtahx mit-tbatijiet tagħna. Hu jfejjqilna qalbna mill-għebusija tal-egoiżmu, jimla l-vojt tagħna u jqawwina f’kulma ngħaddu minnu.
Żwieġ li ġie salvat
Waħda minn uliedna kienet għaddejja minn żmien diffiċli ħafna fiż-żwieġ tagħha. Meta kellimtha fuq it-telefon bdiet tibki u qatli li tilfet kull tama li ż-żwieġ tagħha seta’ jkompli u li l-unika soluzzjoni kienet id-divorzju. Żewġi u jiena dejjem emminna fil-wegħda li Ġesu’ għamel lid-dixxipli meta qalilhom: “ Jekk tnejn minnkom fuq l-art igħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet jagħtihielhom”. B’fidi qawwija f’dan il-kliem ta’ Ġesu, wegħidt lil binti li aħna u l-ħames ħutha l-oħra konna ser nitolbu biex is-sitwazzjoni ta’ bejniethom tirranġa.
Kien għadda ftit żmien meta reġgħet ċempliltli u bil-kemm stajt nemmen meta minn leħinha malajr indunajt li kienet tajba. Wara li kienu rriflettew sew fuq is-sitwazzjoni ta’ bejniethom żewġha qabel li kellhom jmorru ikellmu lil xi ħadd li seta’ jgħinhom isolvu l-problemi tagħhom. U dan wassalhom biex isalvaw iż-żwieġ. Meta għaddew xi ftit snin, ir-raġel ta’ binti stqarr magħha li xtaq isir kattoliku u talabha tieħdu għand saċerdot biex ikun jista’ jibda din it-triq.
(G. B. – USA)
Bidu ġdid
Kont tassew ħerqana li ser nibda ngħallem fi skola sekondarja taċ-Church of England f’Londra tal-punent, iżda l-ħerqa li kelli malajr bdiet tmur. L-istudenti ma laqgħunix kif xtaqt jien u l-ħin kollu kelli nissara magħhom biex nuri li fil-klassi jien nikkmanda. Meta qsamt dak li kont għaddejja minnu ma’ xi ħbieb irrealizzajt li kelli nipprova nibdel it-tattika. Għalkemm ħassejt li dak li kont qed nagħmel kien tajjeb, iżda għidt: Ġesu’ żgur ma kienx iġib ruħu b’dan il-mod. L-għada meta mort fil-klassi tlabt skuża u għidtilhom li probabbli għamilt ħafna żbalji li għalliema b’ esperjenza aktar kbira ma kenitx tagħmilhom.
L-istudenti qagħdu jisimgħuni fi skiet perfett u stajt ngħidilhom li kont ser inħares lejhom b’għajnejn ġodda u li nittama li huma wkoll kienu ser jagħmlu l-istess. Wieħed minn dawk li l-aktar jaqla trouble fil-klassi qam u qal quddiem kulħadd li hu jaċċetta l-apoloġija tiegħi, imbagħad talab skuża f’ismu u f’isem sħabu tal-klassi. Kienet ġrat xi ħaġa li rari kont tisma’ li ġrat: għalliema talblet skuża quddiem il-klassi kollha. Kien bidu ġdid.
(G.P. – UK)
It-tifel f’salib it-toroq
Kull filgħodu, qabel ma nibda x-xogħol bħala pulizija tat-traffiku, immur nisma’ quddiesa u nitlob lil Ġesu’ jgħinni nħobb lil kull persuna li niltaqa’ magħha matul il-ġurnata. Darba minnhom meta kont xogħol fi triq li minnha jgħaddi ħafna traffiku u rajt ġuvnott isuq il-mutur tiegħu bi speed qawwi ħafna. Dan għadda u reġa’ għadda, u allura ddeċidejt li nwaqqfu u għidtlu biex ma jsuqx b’dak l-ispeed kollu fil-waqt li ttamajt li ma jaqlax inkwiet. Iżda kien kollu għalxejn.
Fl-aħħar waqaf u qalli: “Għandi ħafna problemi u rrid li dawn jispiċċaw ma’ ħajti”. Bqajt nisimgħu għal ħin twil għalkemm kelli nibqa’ għaddej bix-xogħol tiegħi. Offrejtlu li l-għajnuna tiegħi u qtajtha li ma nagħtihx ċitazzjoni. Telaq aktar fil-paċi. Għaddew ftit tas-snin, kont xogħol f’post ieħor meta raġel żagħżugħ resaq lejja bi tbissima fuq wiċċu u għannaqni. Għidtlu: “Naħseb li għandek żball, qed taħsibni xi ħaddieħor”. Weġibni: “Le, jien dak il-ġuvnott li kont iltqajt miegħek f’salib it-toroq; illum miżżewweġ u tassew kuntent. Ġejt hawnhekk għax ridt niltaqa’ miegħek biex nirringrazzjak”. F’qalbi stajt ngħid biss grazzi lil Alla.
(S.A. – Italja)
Nixjieħu flimkien
Wara għexur ta’ snin miżżewġin b’imħabba lejn xulxin, indunajt li jien ma kontx aktar nissaporti lil marti. Hi ma taqbilx miegħi f’ħafna affarijiet li nagħmel jien u dejjem tirrepetili l-istess lezzjoni. Darba minnhom, wara li smajtha darba tnejn, weġibtha bir-rabja u għidtilha li kont naf x’kelli nagħmel: ma kienx hemm għalfejn toqgħod terġa’ tgħidli. Naturalment hi ħadet għaliha, u jiena ddispjaċieni. Tlabtha maħfra, imma ġewwa fija baqgħet tbatija kbira talli ma kontx irrispettajt u aċċettajt ix-xjuħija tagħha. Bdejt naħseb li jekk qed nagħmel dan magħha, min jaf kemm affarijiet għamilt li jweġġgħuha.
Meta ġiet tarana neputija mal-partner tagħha, bdejna nirrakkuntaw x’kien ġralna. Din, bla ma kien jidher li hemm għalfejn, infaqgħet tikbi u l-partner qabadha minn idha u beda jżiegħel biha. Wara ftit tas-skiet stqarrew magħna li kienu ddeċidew li ma jibqgħux aktar flimkien, minħabba d-differenza li bdew jinnutaw fil-karattru tagħhom. Meta semgħu dak li konna qed nirrakkuntawlhom, kienu tassew kommossi għax raw kemm hi ħaġa sabiħa li qed nixjieħu flimkien u li dejjem nippruvaw nibnu mill-ġdid l-imħabba tagħna lejn xulxin.
(P.T. – Ungerija)
Bellissimo. Grazzi. Dawn l-esperjenzi ihegguk tghix int ukoll.