Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


 

“Ittamaw fil-Mulej, għal dejjem ta’ dejjem, għax il-Mulej hu l-blata ta’ dejjem” (Is 26, 4).

Il-Kelma tal-ħajja li aħna mistednin ngħixu dan ix-xahar tinsab fil-Ktieb tal-profeta Isaija, ktieb għażiż ħafna għat-tradizzjoni Nisranija. Infatti fih insibu paġni li ngħożżuhom ħafna, bħall-aħbar tal-Għimmanu-el, “Alla magħna”[1], kif ukoll il-figura tal-Qaddej il-batut[2], li jdaħħalna fir-rakkont tal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù.

Din is-silta hi parti minn għanja ta’ radd il-ħajr li l-profeta jpoġġi f’ħalq il-poplu Lhudi meta, wara li għaddew mill-prova ħarxa tal-eżilju, fl-aħħar jerġgħu lura Ġerusalemm. Il-kliem li nsibu fih jiftħilna qalbna għat-tama, għax il-preżenza t’Alla qrib Iżrael hi fidila u soda daqs il-blat. Hu stess iwieżen il-ħidma tal-poplu biex jibni l-ibliet, isawwar il-ħajja politika, ċivili u reliġjuża tiegħu.

Iżda l-belt “imkabbra” tiġġarraf[3], għax ma nbnitx skont il-pjan kollu mħabba t’Alla, u dik mibnija fuq il-blata Tiegħu għad tifraħ bis-sliem u l-ġid.

“Ittamaw fil-Mulej, għal dejjem ta’ dejjem, għax il-Mulej hu l-blata ta’ dejjem”.

Dan il-bżonn ta’ stabbiltà u paċi jgħodd ħafna għal żminijietna! Aħna wkoll, kemm kull wieħed u waħda minna, kif ukoll bħala soċjetà, għaddejjin minn mumenti mudlama tal-istorja u nħossuna taħt it-toqol tal-inċertezza u l-biża’ għall-ġejjieni.

X’irridu nagħmlu biex negħlbu t-tentazzjoni u ma nħallux id-diffikultajiet ta’ dan iż-żmien ikissruna, biex ma ningħalqux fina nfusna u ma nrawmux sentimenti ta’ suspett u nuqqas ta’ fiduċja fl-oħrajn?

Bħala Nsara żgur li l-ewwelnett irridu “nerġgħu nibnu” b’kuraġġ ir-rabta mimlija fiduċja f’Alla, li jinsab magħna f’Ġesù fit-toroq tal-ħajja, anki f’dawk l-aktar mudlama, dojoq, imħawda u kollhom tlajja’.

Imma din il-fidi ma żżomniex wieqfa bla ma nagħmlu xejn. Anzi, irridu naraw x’għandna nagħmlu, biex inkunu kreattivi u responsabbli fil-bini ta’ “belt ġdida”, li s-sisien tagħha jinsabu fil-kmandament tal-imħabba lejn xulxin. Belt bil-bibien tagħha miftuħa, li tilqa’ ʹl kulħadd, l-aktar lil dawk “foqra u msejknin”[4], li tant huma għal qalb il-Mulej.

U bla dubju ta’ xejn se nsibu ħafna rġiel u nisa li, bil-qalb kollha, jingħaqdu magħna biex ngħożżu l-valuri universali tas-solidarjetà u d-dinjità ta’ kull bniedem, b’rispett lejn il-ħolqien, li hu d-“dar tagħna lkoll”.

“Ittamaw fil-Mulej, għal dejjem ta’ dejjem, għax il-Mulej hu l-blata ta’ dejjem”.

Fir-raħal Spanjol ta’ Aljucer, insibu komunità sħiħa li qed timpenja ruħha biex tibni rabtiet bejn l-aħwa miftuħa għal kulħadd.

Din hi l-esperjenza tagħhom: “Fis-sajf tal-2008 tajna bidu għal għaqda kulturali, biex nagħmlu attivitajiet differenti, b’inizzjattiva tagħna jew b’ħidma ma’ għaqdiet oħra tal-pajjiż, u li fihom noħolqu spazji ta’ djalogu u ta’ proġetti umanitarji internazzjonali.

Per eżempju, ilna sa mill-ewwel sena norganizzaw ċena ta’ solidarjetà għall-proġett Fraternity with Africa, biex nagħtu boroż ta’ studju lil żgħażagħ Afrikani li jkunu lesti jaħdmu f’pajjiżhom għal tal-anqas ħames snin. Dawn l-ikliet ilaqqgħu flimkien mal-mitejn ruħ, u fihom jieħdu sehem negozjanti u għaqdiet differenti.

Aħna kuntenti ħafna li qed naħdmu ma’ għaqda oħra. Kull sena norganizzaw attività miftuħa għal nies mid-dinja kulturali, mużikali, artistika u letterarja, kif ukoll nies fil-politika, l-ekonomija u mill-qasam tas-saħħa. Din hi okkażjoni għalihom ilkoll biex jaqsmu flimkien esperjenzi tal-ħajja u jaslu biex jagħmlu għażliet mill-aktar profondi”[5].

“Ittamaw fil-Mulej, għal dejjem ta’ dejjem, għax il-Mulej hu l-blata ta’ dejjem”.

Qegħdin nistennew b’ħerqa l-Milied. Ejjew inħejju ruħna għalih biex nilqgħu minnufih lil Ġesù preżenti fil-Kelma tiegħu.

Kelmtu hi l-blata li fuqha jeħtiġilna wkoll nibnu l-belt tal-bnedmin: “Irridu nagħtuha l-ħajja, nagħmluha tagħna, u nindunaw bil-qawwa li toħroġ minnha, jekk aħna ngħixuha fina u madwarna. Irridu ninnamraw mill-Vanġelu hekk li nħalluh jibdilna biex imbagħad inwassluh lill-oħrajn. […] Ma nibqgħux aħna li ngħixu, imma jkun Kristu li jgħix fina. Imbagħad nistgħu ninħelsu minna nfusna, mil-limiti u l-jasar tagħna; mhux hekk biss, imma għad naraw ir-rivoluzzjoni tal-imħabba li ġabilna Ġesù tinfirex bħal ħuġġieġa fis-soċjetà fejn ngħixu”[6]. 

Letizia Magri

 

[1] Cf. Is 7, 14 e Mt 1, 23.

[2] Cf. Is 52, 13-53, 12.

[3] Cf. Is 26, 5.

[4] Cf. Is 26, 6.

[5] Esperjenza meħuda minn fuq www.focolare.org

[6] C. Lubich, Parola di Vita settembre 2006, mill-ktieb, Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Roma 2017), pġ.790.


Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.