Kelma tal-Ħajja ta’ Frar

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Ħa jsir kollox fostkom bl-imħabba” (1 Kor 16, 14)

Dan ix-xahar ejjew inħallu l-esperjenza u l-kliem ta’ San Pawl ikunu ta’ dawl għall-passi fil-ħajja tagħna2. Bħalma għamel mal-Insara ta’ Korintu, hu qed iħabbar lilna wkoll messaġġ qawwi: il-qalba tal-Vanġelu hi l-imħabba, l-agape. Din il-kelma tfisser l-imħabba għall-bnedmin u l-imħabba ta’ bejn l-Insara, dik li ma tistenna xejn lura.

Din hi Kelma tal-ħajja li nsibuha fi tmiem din l-ittra. Hu spjega b’mod ċar din il-kwalità ta’ mħabba: hi taf tistabar, hi ta’ qalb tajba, tħobb is-sewwa, ma tfittixx l-interessi tagħha3 (…).

Jekk fil-komunità Nisranija ngħixu l-imħabba ta’ bejnietna b’dan il-mod, hi tkun bħal balzmu għall-firdiet li dejjem jhedduha u sinjal ta’ tama għall-bnedmin kollha.

“Ħa jsir kollox fostkom bl-imħabba”.

Jolqotna l-fatt li San Pawl, li kiteb din l-ittra bil-Grieg, iħeġġiġna biex nagħmlu kollox “billi nkunu fl-imħabba”, bħal qisu biex jurina xi ħaġa li ma tinbidilx, jiġifieri li ngħammru f’Alla Mħabba.

Infatti, kif nistgħu nilqgħu lil xulxin u lil kull bniedem b’din l-imġiba, jekk ma nagħrfux li huwa Alla li jħobbna l-ewwel, anki fid-dgħufija tagħna? Jekk inġeddu fina dan l-għarfien inkunu nistgħu ninfetħu għall-oħrajn bla biża’ biex nifhmu l-bżonnijiet materjali u spiritwali tagħhom.

Araw daqsxejn dak li għamel Ġesù, li Hu l-mudell tagħna. Minn dejjem kien Hu li beda jħobb l-ewwel: “[…] Hu fejjaq il-morda, ħafer il-midinbin, ta ħajtu għalina lkoll. Jekk inkunu ġenerużi, neħduha kontra l-istint tagħna li dejjem hu lest li jaħtaf; jekk inkunu attenti lejn l-oħrajn ma nibqgħux aktar iċċentrati fuq il-bżonnijiet tagħna; jekk nagħtu minn dak li hu tagħna, ma nibqgħux aktar egoisti. Mhux importanti nistgħux nagħtu ħafna jew ftit. L-importanti hu l-mod kif nagħtu, kemm inpoġġu mħabba anki fl-attenzjoni tagħna lejn l-oħrajn. […] Irridu nżommu f’moħħna l-imħabba, għax biha nkunu nistgħu nersqu lejn l-oħrajn sempliċement billi nisimgħuhom, naqduhom, inkunu lesti ngħinuhom, infittxu nkunu mħabba qrib ħutna. B’hekk inkunu sibna t-triq diretta biex nidħlu f’qalbhom u nwiżnuhom”4.

“Ħa jsir kollox fostkom bl-imħabba”.

Din il-Kelma tal-ħajja tgħallimna nersqu lejn ħutna b’rispett, mingħajr wiċċ b’ieħor u b’mod kreattiv ħalli nwettqu x-xewqat tagħhom, biex hekk kulħadd jagħti sehemu għall-ġid komuni.

Din il-Kelma tgħinna nagħtu siwi għal kull okkażjoni konkreta tal-ħajja tagħna ta’ kuljum: “[…] mix-xogħol tad-dar jew fl-għelieqi jew fuq il-post tax-xogħol, fl-uffiċċju, għax-xogħol tad-dar tal-istudenti, kif ukoll ir-responsabiltajiet li għandna fil-ħajja ċivili, politika jew reliġjuża tagħna. Kollox jista’ jinbidel f’servizz attent magħmul bil-ħeġġa”5.

Nistgħu nimmaġinaw biċċa mużajk ta’ Vanġelu li juri ħajja mgħixa b’mod sempliċi.

Żewġ ġenituri kitbulna hekk: “Meta waħda mill-ġirien, imnikkta għall-aħħar, qaltilna li binha spiċċa l-ħabs, aċċettajna li mmoru narawh. Lejlet iż-żjara tagħna għamilna sawma, bit-tama li naqilgħu l-grazzja li ngħidulu dak li jgħodd għalih. Imbagħad ħallasna l-pleġġ biex ikun jista’ joħroġ”6.

Grupp ta’ żgħażagħ minn Buea (il-Kamerun) nieda ġbir ta’ fondi biex jgħinu ʹl dawk li kellhom jaħarbu minħabba l-gwerra li hemm bħalissa7. Marru jżuru raġel li tilef driegħu waqt li kien qed jaħrab. Għalih, li jgħix b’din id-diżabiltà saret sfida kbira, għax kellu jibdel dak li kien imdorri jagħmel. “Qalilna li ż-żjara tagħna tatu tama, ferħ u fiduċja. Ħass l-imħabba t’Alla f’dak li konna għamilna miegħu”. Mara oħra qaltilna: “Wara din l-esperjenza, inħossni tassew konvinta li ebda rigal li nagħtu ma hu żgħir jekk nagħmluh b’imħabba… Hi l-imħabba li tmexxi d-dinja. Ejjew ngħixu hekk aħna wkoll!”

Letizia Magri u t-team tal-Kelma tal-Ħajja

1. Għal dan ix-xahar, il-Kelma tal-Ħajja li qed nipproponu hi l-istess waħda li grupp ta’ Nsara minn ħafna Knejjes mill-Ġermanja għażel li jgħix tul is-sena kollha.

2. Ara Sal 119 [118], 105.

3. Ara kap. 13.

4. C. Lubich, Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2006, mill-ktieb Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Ruma 2017) pġ. 791-792.

5. Ibid. p. 792.

6. S. Pellegrini, G. Salerno e M. Caporale, Famiglie in azione. Un mosaico di vita, Città Nuova 2022, pġ.70-71.

7. Silta addattata minn https://www.unitedworldproject.org/workshop/camerun-condividere-con-gli-sfollati

 

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.