Kelma tal-Ħajja ta’ Ġunju

Download pdf


“Mhux kull min jgħidli, ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet!” (Mt 7, 21).

Dan il-kliem iġib fi tmiemu d-Diskors tal-muntanja, li fih Ġesù jħabbar il-Beatitudnijiet. Hawn qiegħed jistieden lil dawk li kienu jisimgħuh biex jagħrfu kemm Alla-mħabba hu qrib tagħna. Ġesù jurina kif għandna nġibu ruħna biex niskopru r-rieda tal-Missier bħala t-triq li mill-ewwel twassalna biex inkunu ħaġa waħda miegħU, fis-Saltna.

“Mhux kull min jgħidli, ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet!”

Imma xinhi r-rieda t’Alla? Kif nistgħu nagħrfuha? Chiara Lubich qasmet magħna l-iskoperta tagħha: “[…] Ir-rieda t’Alla hi leħnU li jkellimna u jistedinna l-ħin kollu; hi bħal ħajta, jew aħjar bħal nisġa divina tad-deheb li tinseġ il-ħajja tagħna fuq din l-art u fis-sema; hi mod kif Alla jesprimi mħabbtu lejna. Imħabbtu titlob minna tweġiba biex f’ħajjitna Hu jkun jista’ jwettaq ħwejjeġ tal-għaġeb. Ħajjitna ssib il-milja tagħha fir-rieda t’Alla. […] Mela ejjew intennu kull mument, ‘Tkun magħmula’, quddiem kull rieda t’Alla ta’ tbatija, ta’ ferħ, tkun xi tkun. […] Imbagħad niskopru li dawn iż-żewġ kelmiet sempliċi jħeġġuna biex bil-qawwa kollha nagħmlu dmirna b’imħabba, bil-perfezzjoni u b’fedeltà. […] U ninsġu mument wara l-ieħor dak id-damask mill-isbaħ, uniku u irripetibbli ta’ ħajjitna li l-Mulej minn dejjem ħaseb għal kull wieħed u waħda minna. Meta nitħaddtu dwar Alla, ngħidu biss ħwejjeġ sbieħ, kbar u immensi, li jagħmlu sens bħalma l-fjuri ċkejkna u ta’ kull lewn jafu l-eżistenza tagħhom lis-sbuħija bla tarf tan-natura” .

“Mhux kull min jgħidli, ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet!”

Skont il-Vanġelu ta’ San Mattew, il-liġi per eċċellenza tan-nisrani hi l-ħniena lejn il-proxxmu, li twassal fi tmiemha kull espressjoni ta’ qima u mħabba għall-Mulej. Din il-Kelma tgħinna niftħu r-rabta personali u intima tagħna m’Alla, li trid tkun ukoll rabta ma’ ħutna l-bnedmin permezz ta’ azzjonijiet konkreti. Tħeġġiġna “noħorġu barra” minna nfusna biex inwasslu l-ftehim u t-tama lill-oħrajn.

Grupp ta’ żgħażagħ minn Heidelberg (belt fil-Ġermanja) tawna x-xhieda tagħhom: “Kif se nagħmlu biex ngħinu ʼl ħbiebna jiskopru li ċ-ċavetta tal-ferħ qiegħda filli ningħataw lill-oħrajn? Kien minn hawn li bdejna l-ħidma ġdida tagħna bl-isem: ‘Siegħa ta’ ferħ’. Il-ħsieb hu wieħed sempliċi ħafna: irridu nferrħu ʼl xi ħadd għall-inqas għal siegħa waħda fix-xahar.

Bdejna minn dawk li dherilna li kellhom l-aktar bżonn ta’ mħabba u, kulfejn offrejna l-ħidma tagħna, rajna bibien jinfetħu! U hekk bdejna noħorġu ʼl xi anzjani fuq il-wheelchair fil-park tal-belt. Fl-isptar bdejna nilagħbu mat-tfal u wkoll ma’ dawk li għandhom xi diżabiltà. Huma kienu ferħana ħafna imma, kif ngħidu: aħna fraħna aktar minnhom! Imbagħad stedinna ʼl xi ħbieb biex jieħdu sehem huma wkoll u jferrħu lill-oħrajn. Dawn qablu magħna: u qalu ‘Il-ferħ tista’ tagħtih’ u, kif tagħtih, tħossu!’”.

Letizia Magri

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.