“Min jilqa’ lilkom ikun jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħtni” (Mt 10, 40).
Fil-kapitlu għaxra tal-Vanġelu ta’ San Mattew, insibu r-rakkont tal-għażla tat-Tnax-il appostlu u kif Ġesù bagħathom iwasslu l-messaġġ tiegħu. Hawnhekk l-appostli huma msemmijin wieħed wieħed, u dan hu sinjal tar-rabta personali li għandhom mal-Imgħallem li huma kienu mxew warajh sa mill-bidu tal-missjoni tiegħu. Huma saru jafu bl-istil tiegħu, li bih hu kien jersaq qrib il-morda, il-midinbin u dawk li kienu meqjusa indemonjati: persuni mwarrba, iġġudikati ħażin u ta’ min wieħed iżomm ‘il bogħod minnhom. Ġesù l-ewwel wera dawn is-sinjali konkreti ta’ mħabbtu, imbagħad wara beda biex iħabbar li s-Saltna t’Alla kienet fil-qrib.
Għalhekk, l-appostli ntbagħtu f’isem Ġesù bħala “ambaxxaturi” tiegħu u permezz tagħhom aħna rridu nilqgħu Lilu.
Ħ afna drabi, il-persunaġġi l-kbar tal-Kotba Mqaddsa, kull meta kienu jilqgħu ‘l xi ħadd li jasal għandhom għall-għarrieda, indunaw li kienu qed jilqgħu ‘l Alla stess li kien qed iżurhom.
Anki llum il-ġurnata, l-aktar f’dawk il-kulturi li fihom hemm sens komunitarju qawwi, il-mistednin huma persuni sagri anki meta ma jkunux jafu bil-wasla tagħhom u għalihom jitħejja l-aħjar post.
“Min jilqa’ lilkom ikun jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħtni”.
Ġ esù qed ifiehem lit-Tnax x’għandhom jagħmlu: iridu jitilqulha għal għonq it-triq, ħafjin u bi ftit affarijiet magħhom: borża ħafifa u libsa waħda… Iridhom jiġu ttrattati bħala mistednin, lesti biex jaċċettaw b’umiltà l-għajnuna tal-oħrajn. Huma kellhom jersqu qrib il-foqra u jieħdu ħsiebhom biex iwasslu l-paċi ‘l kulħadd. L-istess bħalma kien jagħmel Ġesù, huma jridu jieħdu paċenzja kull meta kien ikun hemm nuqqas ta’ ftehim u persekuzzjonijiet, ċerti mill-imħabba u l-għajnuna f’waqtha tal-Missier.
B’hekk, kull min ikollu x-xorti jiltaqa’ ma’ xi wieħed minnhom, f’ħ ajtu jkun jista’ jġarrab tassew l-għożża ta’ Alla.
“Min jilqa’ lilkom ikun jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħtni”.
L-ewwelnett b’ħ ajjithom u mbagħad anki bil-fomm, bi ħewwa jagħtu xhieda tal-imħabba t’Alla li huma kienu ltaqgħu magħha, biex din issir għajn ta’ ferħ għal kulħadd. U la Alla jilqa’ lilhom bid-dgħufija kollha tagħhom, l-ewwel xhieda tagħhom għandha tkun li jilqgħu ‘l ħuthom il-bnedmin b’imħabba kbira.
F’soċjetà egoista mehdija bit-tfittxija għas-suċċess, l-insara huma msejħin juru kemm hi ħaġa sabiħa li ngħixu lkoll flimkien bħal aħwa, ħajja li tagħraf il-bżonn ta’ kull bniedem u li tirsisti biex nieħdu ħsieb xulxin.
“Min jilqa’ lilkom ikun jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħtni”.
Dwar li nilqgħu ‘l kulħadd skond kif jgħidilna l-Vanġelu, Chiara Lubich tikteb hekk: “[…] Ġesù wera l-imħabba kbira li biha Missierna tas-Sema jilqa’ lil kulħadd, għalhekk uriena wkoll l-imħabba li aħna għandu jkollna lejn xulxin.[…] Mela ejjew infittxu li ngħixu din il-Kelma tal-ħajja l-ewwelnett fil-familji tagħna, fl-għaqdiet, il-komunitajiet u l-postijiet tax-xogħol, u nwarrbu għal kollox il-preġudizzji, il-mibegħda u l-intolleranza lejn dan jew dak il-proxxmu tagħna. Dawn huma kollha affarijiet li niltaqgħu magħhom kuljum u li jdgħajfu u jikkompromettu r-rabtiet ta’ bejnietna u ma jħallux l-imħabba ssaltan bejnietna. […] Meta nilqgħu lill-oħrajn, lil min hu differenti minna, inkunu qed nibnu l-pedament tal-imħabba nisranija. Minn hawn irridu nitilqu, dan hu l-ewwel pass biex nibnu ċ-ċiviltà tal-imħabba, il-kultura ta’ ħajja mgħixa flimkien, u li għaliha llum Ġesù qiegħed isejħilna” 1.
Letizia Magri
1. Cf. C. Lubich, Kelma tal-Ħajja Diċembru 1992, fil-ktieb, Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Ruma 2017) pġ. 513-514.
Be the first to comment