Ħsieb ta’ Chiara Lubich
Il-pandemija qanqlet individwi u assoċjazzjonijiet, nies li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa u tax-xjenza, gvernijijiet u organizzazzjonijiet internazzjonali biex jagħtu sehemhom b’ħafna modi differenti. L-impenn u l-ġenerożità, spiss b’mod erojku mhumiex nieqsa. Ma’ dawn l-isforzi kollha tajjeb li nżidu sehem deċiżiv li jiġi mit-talb li kapaċi jċaqlaq il-muntanji.
” […] It-tfal ta’ din l-art għandhom fiduċja f’missierhom, jemmnu fih, jintelqu f’idejh u jħallu dak li jinkwethom f’idejh ukoll, dejjem iħossuhom fiż-żgur ma’ missierhom, anki fiċ-ċirkustanzi l-aktar diffiċli, iebsa u ta’ tbatija.
L-istess irid jagħmel “it-tifel” tal-Vanġelu ma’ Missieru tas-Sema.
Hu importanti li nġibu ruħna b’dan il-mod, u hekk irridu nagħmlu dejjem, għax spiss iċ-ċirkustanzi, il-ġrajjiet u l-provi jaħkmuna u ma nkunux nistgħu negħlbuhom bil-forzi tagħna biss; inkunu neħtieġu għajnuna aktar qawwija.
Ikollna bżonn ta’ għajnuna partikulari, ta’ fidi kbira fl-imħabba tal-Missier, fil-Providenza tiegħu, kif qed nindunaw li għandna bżonn f’dawn il-ġranet. […] Aħna nitħassbu u nippruvaw naraw […] x’nistgħu nagħmlu. U l-ewwel ħaġa li tiġi fi qlubna hi: nitolbu, ningħaqdu lkoll biex nitolbu ħalli neħilsu minn dan il-flaġell. U min ftit, u min ħafna, żgur li bdejna nagħmlu hekk: Nitolbu. Imma kif jeħtieġ nitolbu biex naqilgħu?
[…] Fl-ewwel ittra ta’ San Ġwann insibu kliem sabiħ u li jimliek bil-kuraġġ; jgħid: “Jekk inħobbu lil xulxin Alla jgħammar fina u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina” (1 Ġw 4, 12).
“Imħabbtu ssib il-milja tagħha fina.” Jekk imħabbtu ssib il-milja tagħha fina, fina jkun hemm il-milja tal-imħabba. U biex fina jkun hemm il-milja tal-imħabba, aħna rridu nħobbu lil xulxin.
F’dawn il-ġranet ( fir-Regolament tal-Fokolarini) introduċejna regola li hi bażika u essenzjali: id-dmir (…) li jagħmlu patt mal-fokolarini l-oħra […], jagħmlu patt li jkunu lesti li jmutu għal xulxin kif jitlob il-kmandament ta’ Ġesù.
Iżda din id-deċiżjoni, dan il-patt mhuwiex xi monopolju tal-fokolarini li jgħixu f’komunità. Hi liġi għall-membri kollha tal-Opra tagħna. Meta ngħixu dan il-patt, l-imħabba fina tilħaq il-milja tagħha; inkunu perfetti fl-imħabba u hekk nogħġbu lil Alla. U allura nkunu f’kundizzjoni li naqilgħu l-grazzji li nixtiequ, anki dawk li għalihom ikun hemm bżonn li jiċċaqalqu l-muntanji.
Jekk irridu naħdmu għal dinja magħquda b’mod siewi, naħseb li f’dawn il-ġranet hemm bżonn li nġeddu din id-dispozzjoni tar-ruħ tagħna, bejnietna u ma’ dawk li niltaqgħu magħhom, li jafu l-Moviment. Naturalment l-ewwel irridu noħolqu l-premessi neċessarji, inqanqlu l-atmosfera meħtieġa biex inkunu nistgħu ngħidu b’kuraġġ lill-persuna l-oħra: “Bil-grazzja t’Alla, jien irrid inkun lesta li mmut għalik” u tkun tista’ tisma’ lill-persuna l-oħra tgħidlek: “U jien għalik”.
Imbagħad jeħtieġ li nġibu ruħna skont dak li nkunu għidna, filwaqt li nkebbsu n-nar tal-imħabba għal kull proxxmu. […] Din hi l-bażi biex nitolbu b’fiduċja li ser naqilgħu.
Chiara Lubich
(minn konferenza telefonika, Mollens, 13 ta’ Settembru 1990)
Be the first to comment