Pasquale Foresi: “It-Talb”

L-isbaħ talba hi dik ta’ min jaf li l-problemi, id-diffikultajiet, l-affarijiet li neħtieġu, Ġesù jaf x’inhuma: “Il-Missier jaf x’teħtieġu (ara Mt 6, 8). Titlob ifisser tgħid lil Ġesù, u fiħ lit-Trinità Qaddisa: “Inti taf bid-diffikultajiet tiegħi, il-miżerji tiegħi, il-ftit fidi tiegħi, inti taf in-nuqqasijiet tiegħi, it-tbatijiet u d-diffikultajiet li niltaqa’ magħhom fil-ħajja: issa rrid noqgħod miegħek u naħseb ftit fik”.

Dan hu l-mument li fih noħorġu minn dak li nkunu għaddejjin minnu li kif nersqu lejh jgħajjina u jsewdilna qalbna, biex nsibu lilu, biex ngħixu fid-dar tagħna. Infatti d-dar ta’ kull wieħed minna hi t-Trinità: il-Missier, l-Iben, l-Ispirtu s-Santu, u fihom Marija u l-qaddisin kollha. U aħna li qed ngħixu f’dinja li tidher reali imma fil-fatt hi apparenti, fl-aħħar mill-aħħar nerġgħu lura d-dar tagħna, fid-dinja vera tagħna, id-dinja tat-Trinità. It-talb hu l-isbaħ ħin tal-ħajja tagħna fuq din l-art, għax dak il-ħin ngħixu flimkien mal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, u ma’ Marija b’mod kuxjenti.

Il-ħin tal-meditazzjoni ma jfissirx ħarba mill-ħajja konkreta; imma hi l-vera ħajja, li biha nkunu nistgħu niġu wiċċ imb’wiċċ mal-ħajja u mar-realtà ta’ kuljum, bil-perikli, it-tbatijiet, l-għejja tal-ġisem u tal-moħħ, bil-problemi kollha li nistgħu u nafu x’għandna nagħmlu proprju għax fl-aħħar mill-aħħar inkunu għexna għal ftit tal-ħin, għal nofs siegħa, fil-meditazzjoni, li hi l-vera ħajja: hi din it-taħdita tiegħi ma’ Ġesù.

[…] Hu jkellimna minn taħt l-ilsien. Jeħtiġilna nżommu s-skiet ġewwa fina biex nisimgħuh u l-meditazzjoni hi okkażjoni biex inżommu s-skiet, li hu simbolu tas-skiet interjuri meħtieġ biex nisimgħu ’l Ġesù. Hu dejjem jgħidilna affarijiet importanti ħafna. Meta nkunu għajjenin, inkwetati bil-ħafna problemi tal-ħajja: “La tibżgħux, jiena hu”. Jgħidilna: “La tibżgħux, jiena rbaħt lid-dinja”. Jgħidilna: “Jiena dejjem magħkom”. Ġesù jippreżenta ruħu bħala mudell, ħajtu għandha tkun ta’ mudell għalina. […]

Pasquale Foresi, Luce che si incarna (“Light that is incarnated”) – Ed.Città Nuova, Rome 2014, p. 34-35.


Min ma jiftakarhiex il-ġrajja ta’ dik il-mara li kienet titlef id-demm u kienet tinsab qalb il-folla li ma ħallithiex tasal sa ħdejn Ġesù biex titolbu jfejjaqha? Hi bdiet taħseb hekk bejnha u bejn ruħha: “Kieku jirnexxili mqar immiss it-tarf tal-mantell tiegħu, jirnexxili nfieq”. Bdiet riesqa ’l quddiem u rnexxielha tmissu b’ħafna fidi u mħabba, u ħassitha mfejqa. U Ġesù nduna li minnu kienet ħarġet qawwa, dahar fuq l-appostli u qalilhom: “Min messni?”. L-appostli weġbuh: “Mulej, ninsabu qalb folla kbira ta’ nies u inti tistaqsina min missek?” (ara Mk 5, 25-32). Ħafna kienu dawk li “talbuh”, imma waħda biss sabet kif “titlob”, u Ġesù kien ħass qawwa ħierġa minnu għal dik it-talba umli, siekta, kollha fidi u telqa fih. Infatti, Hu jħobb tassew dawk l-erwieħ li jintefgħu hekk quddiemu, anki jekk mgħobbijin bit-toqol tal-aktar dnubiet serji.

Jekk aħna nitolbu b’din il-fidi, in-nies isibuna kalmi, għax fina jkollna dak is-sliem li jmur lil hinn mit-tbatija, li aħna wkoll ngħaddu minnha, bħall-bqija tan-nies ta’ din id-dinja. U jħossu l-ferħ li joqogħdu magħna, dak il-ferħ li Ġesù jgħid li d-dinja ma tafx tagħti, għax ġo fina nġorru biċċa żgħira minn dik is-Sema li fiha nkunu għexna fit-talb tagħna.

Id-dinja kollha għatxana għal Alla, u jekk ma jirnexxilniex naqtgħulha dan l-għatx ikun għax aħna nagħtuhom biss kliemna, li “jitkellem” fuq Alla. Filwaqt li d-dinja teħtieġ lil Alla anki bla ma nitkellmu fuqU. Jirnexxielna nagħmlu hekk kemm-il darba, aħna u nisimgħu s-sejħa ta’ Ġesù, nibqgħu l-ħin kollu nitkellmu Miegħu.

Ibid Ed.Città Nuova, Rome 2014, p. 36.

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. See our website data policy in the footer below.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.