“Ibqgħu fl-imħabba tiegħi: tagħmlu ħafna frott” (Ara Ġw 15, 5-9).
Kull sena, Insara minn Knejjes differenti jiddedikaw ħin għal talb flimkien u jitolbu lill-Missier id-don għal għaqda sħiħa, skont ix-xewqa ta’ Ġesù. Hu jrid din l-għaqda “biex hekk id-dinja temmen” (Ġw 17, 21): trid tkun l-għaqda biex id-dinja tinbidel, biex ikun hawn il-komunjoni, il-fraternità u s-solidarjetà. L-unità hi don t’Alla, għalhekk jeħtieġ li nitolbu għaliha b’insistenza u b’fiduċja fil-Missier.
Din hi l-esperjenza ta’ grupp minn Spanja, li jgħixu l-Kelma tal-ħajja. Eżattament matul il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara[1], dawn issa ilhom għal xi snin jitolbu b’ħeġġa kbira għall-grazzja tal-unità u jagħmlu ħilithom sabiex jersqu lejn xulxin. Margarita tikteb hekk: “Għamilna kuntatt ma’ dawk li fid-djoċesi huma responsabbli mill-ekumeniżmu, mal-kappillani, ma’ saċerdot Ortodoss u ma’ oħrajn mill-Knisja Evanġelika. Inġbarna flimkien bħala Nsara biex nitolbu, l-ewwel f’parroċċa Kattolika u mbagħad f’oħra Ortodossa. Kull darba l-knejjes tagħna jimtlew bil-ferħ, frott tal-preżenza t’Alla. Irid ikun Hu li jiftaħ it-toroq għall-unità”.
Għas-sena 2021, il-komunità tal-patrijiet ta’ Grandchamp[2] ipproponiet kliem effikaċi ħafna bħala dawl għal din il-mixja. Hu meħud mill-Vanġelu ta’ San Ġwann:
“Ibqgħu fl-imħabba tiegħi: tagħmlu ħafna frott”.
Din hi stedina qawwija ħafna biex, f’dawn il-jiem speċjali, ngħixu u naħdmu għall-għaqda fost l-Insara u nkomplu nagħmlu hekk matul is-sena kollha u ħajjitna kollha. Il-firda ta’ bejnietna hi ġerħa serja li rridu nieħdu ħsiebha, l-ewwelnett bil-ħniena t’Alla u mbagħad billi nagħmlu ħilitna kollha biex insiru nafu ’l xulxin, nistmaw lil xulxin, u flimkien inkunu xhieda tal-Vanġelu.
B’dan il-kliem, Ġesù qed jurina passi li, bla dubju ta’ xejn, huma meħtieġa: l-ewwelnett “irridu nibqgħu” fl-imħabba Tiegħu.
Għalhekk jeħtieġ insaħħu r-rabta tagħna Miegħu, nintelqu f’idejH u nemmnu fil-ħniena tiegħu. Filfatt, Ġesù “jibqa’” dejjem magħna għax hu jżomm kelmtu.
Fl-istess ħin Hu jsejħilna nimxu warajH b’deċiżjoni, biex kif għamel Hu, inkunu nistgħu nagħmlu minn ħajjitna rigal lill-Missier. Hu qed jgħidlina nagħmlu bħalu, billi b’mod delikat, ġeneruż u mingħajr interessi ta’ xejn ngħinu lil kull bniedem li ngħixu miegħu matul il-ġurnata tagħna. B’hekk inkunu nistgħu nagħmlu “ħafna frott”.
“Ibqgħu fl-imħabba tiegħi: tagħmlu ħafna frott”
F’Ottubru tal-2002, waqt iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum ir-Riforma f’Ġinevra, Chiara Lubich qalet kliem li għadu jidwi sallum[3]: “[…] Id-dinja teħtieġ l-imħabba, bħax-xita f’nixfa qawwija! […] (Ġesù) qal li d-dinja għad tagħraf li aħna tiegħu mill-imħabba ta’ bejnietna, u li permezz tal-imħabba u l-għaqda ta’ bejnietna, għad tagħraf lilu: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13, 35). […] Aħna fhimna li ż-żminijiet tallum jitolbu minn kull wieħed u waħda minna mħabba, għaqda, komunjoni u solidarjetà. Iż-żminijiet tallum qed isejħu wkoll lill-Knejjes biex, wara sekli sħaħ ta’ firda, jerġgħu jsiru ħaġa waħda.
Din hi l-ikbar riforma li s-Sema qed titlob minna. Dan hu l-ewwel pass meħtieġ biex aħna l-bnedmin insiru lkoll aħwa ta’ xulxin. Infatti, id-dinja għad temmen kemm-il darba aħna nkunu ħaġa waħda bejnietna. Dan qalu Ġesù stess: “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda […] biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni” (ara Ġw 17, 21). Dan hu li jrid Alla! […]. Nitolbuh jagħtina l-grazzja tal-unità, biex jekk ma seħħx issa stess, għallinqas jagħtina l-grazzja nħejju t-triq għaliha”.[4]
Letizia Magri
[1] Din se ssir bejn it-18 u l-25 ta’ Jannar.
[2] Għal aktar informazzjoni, żur is-sit: www.grandchamp.org.
[3] “Jum ir-Riforma” (“Reformationstag”) jiġi ċċelebrat kull sena fil-31 ta’ Ottubru, fl-okkażjoni ta’ meta Martin Luteru jgħidu li xandar il-95 teżijiet tiegħu. https://it.wikipedia.org/wiki/Giorno_della_Riforma.
[4] C. Lubich, fil-ktieb L’unità, ta’ D. Falmi u F. Gillet, Città Nuova, Ruma 2015, pp. 87-88.
Be the first to comment