“Ejjew ma nċedux għat-tentazzjoni u ngħidu li ma impurtaniex mill-oħrajn, l-aktar minn dawk li huma dgħajfa; ejjew ma nidrawx indawru wiċċna n-naħa l-oħra, imma nimpenjaw ruħna b’mod konkret biex kuljum nibnu komunità ta’ aħwa li jilqgħu lil xulxin u jieħdu ħsieb xulxin.”
Dan il-kliem qalu Papa Franġisku fil-messaġġ tiegħu għal Ġurnata Dinjija tal-Paċi 2021. U aħna xtaqna nibdew is-sena 2021 b’xi stejjer ta’ min qed jimpurtah u jieħu ħsieb.
It-Teens4Unity tal-Messiku rrakkuntaw: “Xtaqna nagħmlu proġett li jħalli mpatt kemm fuq is-soċjeta’ kif ukoll fuq l-ambjent. U ġietna l-idea li niġbru t-tappijiet tal-plastik biex bil-flus li ndaħħlu minnhom inkunu nistgħu ngħinu fondazzjoni li tieħu ħsieb nies morda bil-kanċer. Għidna: b’hekk nistgħu nagħtu s-sehem tagħna kemm għall-ħarsien tal-ambjent kif ukoll biex tingħata kura lil dawn il-morda. S’issa għamilna 23 konsejna ta’ tappijiet u f’anqas minn sena ġbarna mal-miljun tapp. Barra minn hekk ġbarna wkoll skart li jista’ jiġi riċiklat u bil-flus li daħħalna stajna nagħtu għajnuna għall-ikel fi sptar, ħwejjeġ lil xi persuni li r-riżorsi tagħhom huma limitati u għenna wkoll xi djar tal-kura. Irnexxilna anki nħawlu siġar f’xi nħawi tal-belt”.
Roland mill-Guatemala hu l-propjetarju ta’ Spokes Café. Meta sentejn ilu mar iżur dar-familja, qrib fejn joqgħod hu, sar jaf lil Madelyn u offrielha x-xogħol. Qalilna: “Qed nagħmlu dak li nistgħu biex il-business tagħna jkun opportunita’ ħalli żgħażagħ bħal Madelyn jagħmlu pass ‘il quddiem fil-ħajja tagħhom. Ngħallmuhom jagħmlu xi xogħol biex joħorġu miċ-ċirku tal-vizzju li jkunu daħlu fih u nippreparawhom biex jiffaċċaw il-ħajja b’dinjita’. Spiss, ikun hemm fosthom min jiddeċidi li jmur l-universita’ biex ikompli jistudja u dan jimliena b’ħafna suddisfazzjon”.
Madelyn għandha 21 sena u daħlet f’din id-dar flimkien ma’ oħtha. Il-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ li jgħixu f’din id-dar huma vittmi ta’ abbuż u ta’ sfruttament, u xi wħud huma vittmi tat-traffikar uman. Din id-dar-familja tassew tieħu ħsiebhom lil dawn it-tfajliet, iżda ħafna minnhom ibatu għax jibqgħu ttimbrati u rari jirnexxilhom isibu xogħol dinjituż. Madelyn qalet kemm issibha diffiċli biex tikkomunika man-nies: “Għad fadalli triq twila x’nagħmel, iżda bil-mod il-mod qed nitgħallem. Ix-xogħol qed jgħinni niskopri s-sens ta’ responsabbilta’ u li kull klijent huwa persuna. Inħoss li qed jimmarka lil ħajti u li mxejt ‘il quddiem”.
Maria Liza mill-Filippini tamministra ċ-ċentru ta’ Tacloban, ċentru li jagħti kenn lil xi tfal u jieħu ħsieb l-iżvilupp soċjali tagħhom. Jinsab fin-naħa ta’ fuq ta’ Tacloban City, il-gżira li fl-2013 kienet milquta sew mit-tifun Haiyan. Minħabba n-nuqqas ta’ fondi, dan iċ-ċentru llum jinsab f’diffikultajiet kbar.
Maria Liza tirrakkonta: “Morna nkellmu lis-sindku u għamilna l-proposta li nibdew niġbru fondi biex naraw x’nistgħu nagħmlu dwar nuqqas ta’ ikel u mediċini. Ħadna wkoll l-inizjattiva li nirrapurtaw dwar xi sitwazzjonijiet ta’ vjolenza fuq it-tfal. Iżda l-aktar ħaġa importanti kienet li rnexxilna nqajmu l-attenzjoni publika; kieku aħna ma dħalniex hemmhekk, ħadd ma kien ser ikun jaf bil-kundizzjonijiet li kienu qed jgħixu fihom dawn it-tfal. Qed noħolqu ċertu opinjoni publika dwar kif l-amministrazzjoni tal-belt għandha tieħu ħsieb sew dawn it-tfal”.
Stefania Tanesini
Grazzi ta’ dawn l-esperjenzi, jghinuk taghmel il-parti tieghek.
Grazzi tal-feedback!
I enjoyed reading the experiences which made me reflect how life can be changed if each one takes a risk for the good of others.
Life is short and our experience is an act of love .Last week i had a car accident and thank God i am still alive .Please pray for me as to recover from my shoulder injury. thanks
Thanks for your comments and personal reflections, Rosaria. Be assured of our prayers for your quick recovery.