Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Għad li ma jiena marbut ma’ ħadd, jien għamilt lili nnifsi lsir ta’ kulħadd biex nirbaħ lil ħafna!”
(1 Kor 9, 19)

Il-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar ittieħdet mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin. Hu kien jinsab Efeso u permezz ta’ din l-ittra beda jfittex li jwieġeb għal sensiela ta’ problemi li nqalgħu fil-komunità Griega ta’ Korintu. Din kienet belt kbira b’ċentru kummerċjali kbir u famuża għat-tempju ta’ Afrodite. Imma kienet ukoll magħrufa għall-korruzzjoni tagħha. San Pawl kiteb lil dawk li kienu kkonvertew xi ftit tas-snin qabel u li saru Nsara grazzi għall-predikazzjoni tiegħu. Waħda mill-problemi li kienet tifred il-komunità kellha x’taqsam mal-kwistjoni jekk setgħux jieklu l-laħam offrut lill-idoli. San Pawl saħaq fuq il-ħelsien li kisbilna Kristu, u l-appostlu fissrilhom sew kif kellhom iġibu ruħhom fuq ċerti għażliet li kellhom jagħmlu u l-aktar fuq xi tfisser il-kelma libertà.

“Għad li ma jiena marbut ma’ ħadd, jien għamilt lili nnifsi lsir ta’ kulħadd biex nirbaħ lil ħafna!”.

Billi l-Insara jafu li l-idoli ma jeżistux fid-dinja; “ħadd mhu alla ħlief wieħed” (8, 4), hi ħaġa indifferenti jiklux il-laħam issagrifikat lill-idoli jew le. Imma din il-problema qamet meta kien ikun hemm xi Nsara li jsibu ruħhom fil-preżenza ta’ xi ħadd li ma kienx ikollu din il-fidi matura u għalhekk, bl-imġiba tiegħu seta’ jkun ta’ skandlu għal dawk ta’ kuxjenza dgħajfa.
La l-kwistjoni kellha x’taqsam mal-għarfien u l-imħabba, Pawlu ma kellu ebda dubju: id-dixxiplu għandu jagħżel l-imħabba u jiċċaħħad mil-libertà tiegħu, bħalma għamel Kristu li għax ried, bl-imħabba kollha, sar il-qaddej ta’ kulħadd.
Importanti ħafna li noqogħdu attenti għal min għandu kuxjenza fjakka u nuqqas ta’ tagħrif tal-affarijiet fundamentali. L-iskop hu li “nirbħu”, fis-sens li nwasslu lil kemm nistgħu nies l-aħbar tajba u sabiħa tal-Vanġelu.

“Għad li ma jiena marbut ma’ ħadd, jien għamilt lili nnifsi lsir ta’ kulħadd biex nirbaħ lil ħafna!”.

Darba Chiara Lubich kitbet hekk: “Jekk aħna ħaġa waħda ma’ Kristu, jekk aħna nkunu Hu, u nżommu fina ħsibijiet li jġibu l-firda, inkunu qed nifirdu lil Kristu. (…) Li kieku… bejn l-ewwel Insara, kien ikun hemm il-periklu li jwassal għal xi firda, il-parir mogħti lilhom kien li jċedu l-ħsibijiet tagħhom biex tibqa’ ssaltan l-imħabba. (…) L-istess ħaġa tiġri f’dawn iż-żminijiet: għalkemm inkunu konvinti li l-mod kif naħsbuha jkun l-aħjar wieħed, il-Mulej jgħidilna li, biex inżommu l-imħabba ta’ bejnietna, aħjar ikollna ħsibijiet inqas perfetti bi ftehim mal-oħrajn, milli dawk aktar perfetti imma li jġibu l-firda.
Li nċekknu lilna nfusna biex ma ninfirdux hi waħda mill-kwalitajiet li, għalkemm iġġegħilna nbatu, imma hi effikaċi u mbierka minn Alla. Irridu nżommu l-għaqda skont il-ħsieb awtentiku ta’ Kristu, u li bħala riżultat napprezzaw is-siwi tagħha” .

“Għad li ma jiena marbut ma’ ħadd, jien għamilt lili nnifsi lsir ta’ kulħadd biex nirbaħ lil ħafna!”.

Kardinal Vjetnamiż, Franҫois van Thuân, għadda tlettax-il sena l-ħabs, disgħa minnhom maqtugħ f’ċella għalih waħdu u iżolat minn kulħadd. L-esperjenza tiegħu turi kif, meta l-imħabba tkun waħda vera u diżinteressata, bħala tweġiba tqanqal aktar imħabba fl-oħrajn. Kemm dam maqful hemm ġew kellu ħames gwardji, imma l-mexxejja tal-ħabs qatgħuha li kull ġimgħatejn dawn kellhom jinbidlu għax kienu “jittieħdu” minnu.

Fl-aħħarnett iddeċidew li jħallulu dejjem l-istess nies inkella hu kien se “jikkonverti” l-gwardji kollha. Jirrakkonta huwa stess: “Għall-ewwel il-gwardji ma kinux ikellmuni. Kienu jweġbuni biss iva jew le. (…) Lejla minnhom ġieni ħsieb f’moħħi: “Franġisku, inti għadek sinjur ħafna, f’qalbek għandek l-imħabba ta’ Ġesù; ħobbhom kif Ġesù ħabb lilek”. L-għada bdejt inħobbhom aktar minn qabel, bdejt inħobb lil Ġesù fihom, kont nitbissem, inkellimhom bil-ħlewwa. (…) Ftit ftit sirna ħbieb” . Fil-ħabs, bl-għajnuna tal-gwardji, għamel salib minn biċċiet żgħar tal-injam u katina tal-ħadid. Dan is-salib baqa’ jilbsu sa ma miet, bħala simbolu tal-ħbiberija li kienet nibtet magħhom.

Letizia Magri


Listen to the Word of Life

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.