Il-Ħdax l-Assemblea tal-Kunsill Dinji tal-Knejjes

Jagħmel sens nitkellmu fuq l-unità meta qed ngħixu f’dinja miġruħa bil-kunflitti, bl-effetti tal-pandemija, bil-kriżi tal-bidla fil-klima, u meta t-tiġdid xjentifiku u teknoloġiku spiss qed joħloq aktar diżugwaljanza bejn il-ġnus? Jekk iva, x’sehem jistgħu jagħtu l-Insara biex din l-unità sseħħ?

Dawn il-mistoqsijiet fundamentali ser ikunu fiċ-ċentru tal-11 l-Assemblea tal-Kunsill Dinji tal-Knejjes, li ser issir f’Karlsruhe, il-Ġermanja, mill-31 ta’ Awwissu sat-8 ta’ Settembru 2022. Din il-laqgħa ġeneralment issir kull tmin snin. Fil-Kunsill Dinji tal-Knejjes hemm 352 Knisja minn 110 pajjiż differenti li jirrappreżentaw madwar 500 miljun Insara. Hu mistenni li f’din l-Assemblea jkun hemm madwar 4,000 parteċipant mid-dinja kollha. t-titlu tagħha hu: “L-imħabba ta’ Kristu tqanqal id-dinja biex timxi lejn ir-rikonċiljazzjoni u l-għaqda

Il-ħidma ta’ din il-laqgħa dinjija tibda propju minn riflessjonijiet dwar l-isfidi li għandha quddiemha d-dinja tagħna, fosthom il-vulnerabbiltà, il-firdiet u l-inġustizzji etniċi, ekonomiċi u soċjali. U allura anki l-interdipendenza bejn individwi u ġnus, u r-responsabbilità lejn xulxin f’dinja fejn ħadd ma jista’ jsalva waħdu. Dan hu l-kuntest li fih ser issir din il-laqgħa, fejn Insara minn Knejjes differenti ser isibu ruħhom flimkien biex jitolbu u jiċċelebraw, imma anki biex jirriflettu u jieħdu azzjoni, fil-waqt li jidħlu aktar fil-fond dwar l-impenn tagħhom biex jissaħħaħ id-djalogu, u tikber l-għaqda li tidher u t-testimonjanza komuni.

Il-programm uffiċjali jindika li ser ikun hemm madwar 100 workshops u stands imtellgħa minn Knejjes, Komunitajiet u Istituzzjonijiet differenti. Tim miċ-Ċentru internazzjonali li jikkoordina l-attività ekumenika tal-Moviment tal-Fokolari, flimkien ma’ membri mill-Ġermanja, l-Isvizzera, l-Irlanda u r-Rumanija, ser itellgħu wieħed mill-istands li fih ser jesponu l-esperjenza wiesgħa tad-djalogu fil-ħajja tal-Fokolari ser imexxu wkoll workshop dwar id-“Djalogu bħala stil ta’ ħajja: metodoloġija u prattika”, fejn ser joffru esperjenza ta’ djalogu bejn Insara ta’ Knejjes differenti, u bejn Insara u Musulmani. Dan ser ikun fil-5 ta’ Settembru fil-17:00.

L-għan ewlieni tal-Kunsill Dinji tal-Knejjes, li beda fit-23 ta’ Awwissu 1948, hu li jippromwovi d-djalogu bħala mixja ta’ ħajja Nisranija awtentika. Ir-rabta tal-Moviment tal-Fokolari ma’ dan il-Kunsill hi frott ta’ storja twila ta’ ħbiberija u kollaborazzjoni li bdiet fl-1967 meta Lukas Vischer, it-teologu Svizzeru Riformat kien stieden lil Chiara Lubich għall-ewwel żjara tagħha lil dan il-Kunsill.

Minn kitba ta’ Anna Lisa Innocenti

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. See our website data policy in the footer below.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.