Aħbarijiet Spiritwalita' storja

16 ta’ Lulju: il-messaġġ ta’ Margaret Karram għall-Jum tal-Patt tal-Unità

Fi żmien meta l-umanità hi mhedda mill-vjolenza li dejjem qed tikber u minn ħafna qtigħ il-qalb, dan il-Patt jista’ jnissel tama ġdida.

Is-16 ta’ Lulju hi ġurnata sinifikattiva għall-Moviment tal-Fokolari. F’dan il-jum, il-Moviment ifakkar il-Patt tal-Unità bejn Chiara Lubich, il-fundatriċi u Igino Giordani, li hi kienet tikkunsidrah bħala ko-fundatur. Il-Patt tal-Unità sar fis-16 ta’ Lulju 1949.

F’din l-okkażjoni, Margaret Karram, il-President tal-Moviment tal-Fokolari bagħtet messaġġ lil dawk kollha fid-dinja li jagħmlu parti mill-Moviment.

Lil dawk kollha fid-dinja li jagħmlu parti mill-Moviment tal-Fokolari.

Għeżież,

Anki din is-sena, qed infakkru s-16 ta’ Lulju, l-anniversarju tal-Patt tal-Unità bejn Chiara u Foco ( Igino Giordani) fi żmien meta l-umanità hi mhedda mill-vjolenza li dejjem qed tikber u minn ħafna qtigħ il-qalb. Tlabna ħafna biex il-paċi tfittex tasal, imma f’bosta pajjiżi għad hemm ħafna tbatija minħabba l-gwerer li għadhom għaddejjin.

B’danakollu, qalbi tgħidli li dan il-jum, li jfisser ħafna għall-Moviment, jista’ jnissel fina tama ġdida. Kien dan il-Patt li ta bidu għall-esperjenza mistika tal-Paradiso’49, fejn Alla wera lil Chiara anki s-sehem li l-Opra, li kienet qed titwieled, segħtet toffri lill-umanità permezz tal-ispiritwalità tal-unità .

Għalhekk inħoss f’qalbi li kull wieħed minna għandu responsabbiltà kbira: li ninkarnaw dan il-Patt sublimi fil-ħajja tagħna ta’ kuljum sabiex “nirrakkmaw disinji ta’ dawl fuq il-folla, u fl-istess ħin naqsmu mal-proxxmu l-uġigħ, il-ġuħ, it-tbatijiet, il-mumenti qosra ta’ ferħ” .

Waqt li qegħdin fis-sena meta għadna qed napprofondixxu t-tema tal-“qrubija” u ngħixu l-Ġublew tat-Tama, ejjew nieħdu l-okkażjoni biex niftħu l-bibien ta’ qlubna beraħ għal kull wieħed u waħda minn ħutna ħalli tikber il-komunjoni u nġeddu l-ħajja fil-komunitajiet tagħna.

Hekk, ir-rabiet tagħna, kemm individwalment kif ukoll bħala gruppi, jirriflettu dejjem aktar l-istedina li l-appostlu Pawlu għamel lir-Rumani: “Ħobbu lil xulxin bħal aħwa, fittxu li tistmaw lil xulxin” ( Rum 12,10).

Huwa propju dan li jwassalna biex ngħixu dak “ix-xejn ta’ mħabba” li fuqu hu mibni l-Patt. Jiena ċerta li dan iġib frott ta’ paċi fina, fl-Opra u fid-dinja.

U din tkun l-aħjar tħejjija għall-Assemblea Ġenerali tal-Moviment tal-Fokolari li ser issir f’Marzu 2026 u li tgħinna biex niddixxernu t-triqat li rridu nimxu fihom fil-futur qarib.

Awguri lil kulħadd u l-festa t-tajba tal-Patt!

Margaret Karram

Traduzzjoni ta’ Vivienne Attard

Add Comment

Click here to post a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.