“Esperjenza li fetħet it-triq beraħ għall-rabta profonda ma’ Alla u minnha kibret imħabba kbira għall-umanita’ “
Mill-messaġġ ta’ Margaret Karram għal dan il-jum:
Rocca di Papa, 16 ta’ Lulju 2022
Għeżież,
Jiena kuntenta li f’dan il-jum ta’ festa nista’ nġedded il-Patt ta’ unità ma’ kull waħda u wieħed minnkom!
Għaddew 73 sena minn dik id-data storika li ħalliet marka importanti fil-ħajja tal-Moviment tagħna. Din is-sena, meta kien qed joqrob l-anniversarju tas-16 ta’ Lulju, ħassejt fija aktar minn qatt qabel is-sejħa biex nintefa’ fl-esperjenza li Chiara għexet ma’ Ġesù f’dak jum speċjali tal-’49, meta hi xtaqet twieġeb għall-ħsieb esiġenti ta’ Foco li jitqaddsu flimkien.
Ħsibt ħafna fuq dak il-Patt! U konvinta li mingħajr attaġġament ta’ umilta’ u ta’ mħabba kbira, dak il-Patt ma jagħmilx sens. Il-ħsieb iwassalni biex ngħid li din kienet .esperjenza ta’ smigħ, ta’ rispett, u fl-istess ħin ta’ fiduċja sħiħa fil-pjanijiet t’Alla, fiduċja li tħalli f’idejh biex jagħmel Hu,
Il-Patt kien realta’ li nkuruna impenn: għexu l-Kelma b’ġenwinita’ u ħeġġa ta’ “tfal tal-Vanġelu”; u lanqas l-furja tal-gwerra ma naqqset mill-kuraġġ biex jgħixuha b’mod sħiħ. Din kienet esperjenza li fetħet il-bieb beraħ għal rabta profonda ma’ Alla u li minnha żviluppat imħabba kbira għall-umanita’.
F’kitba tagħha dwar dak il-perijodu twil ta’ dawl, Chiara stess qalet: ”Żgur li ma konniex ninżlu minn fuq dik il-muntanja (…) kieku ma kienx għar-rieda t’Alla. Dak li tana l-kuraġġ biex nagħmlu dan kienet biss l-imħabba għal Ġesu’ msallab u abbandunat li jinsab fl-umanita’ mgħaddsa fid-dlamijiet”.
Iva, illum ukoll neħtieġu l-kuraġġ biex ngħixu f’dinja fejn insibu l-marka ta’ bosta dlamijiet. U naħseb li Ġesu’ Abbandunat irid minni,irid minna lkoll li fuq kollox nilqgħu Lilu u nibqgħu radikati fiH biex inħarsu lejn il-bnedmin u lejn is-sitwazzjonijiet bil-mod kif jagħmel Hu u nwasslu l-preżenza u l-imħabba tiegħU kullimkien.
Meta nħaddnu Lilu – għamilna din l-esperjenza eluf ta’ drabi – niksbu mill-ġdid il-qawwa, il-fidi, it-tama u d-dawl għall-mixja li rridu nagħmlu, mixja – jien konvinta – li twassal għal twelid ġdid tal-Opra.
Nawgura li f’dan is-16 ta’ Lulju nwegħdu lil xulxin li ngħixu l-Kelma b’aktar ħeġġa, u nisimgħu bil-ġabra kollha lil Ġesù jagħmlilna l-istess stedina li għamel lil Marta: “…int taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ, imma ħaġa waħda hi meħtieġa” (Lk 10,42). Hekk nisimgħu b’attenzjoni dak li Hu jrid jgħidilna u nġeddu l-imħabba tagħna bla ebda kundizzjoni għal Ġesù Abbandunat
Bi gratitudni infinita lejn Alla, għad-Doni kollha tiegħu, nibgħat tislima planitarja għall- Festa t-tajba!
Margaret
Be the first to comment