Il-fażi universali tas-Sinodu fuq is-Sinodalita’ tibda fl-4 ta’ Ottubru u tibqa’ sejra sal-aħħar tax-xahar. Margaret Karram, il-President tal-Moviment tal-Fokolari hi fost il-mistednin speċjali għal din il-fażi tas-Sinodu.
Ninsabu fuq l-għatba tal-fażi universali tas-Sinodu 2021-2024 li ser issir fil-Vatikan. Nhar is-sibt li għadda, 30 ta’ Settembru, eluf ta’ nies inġabru fi Pjazza San Pietru għall-Velja Ekumenika li saret bi thejjija għal din il-ġrajja. Din il-velja kienet organizzata mill- komunita’ ta’ Taizé, b’kollaborazzjoni mas-Segretarjat tas-Sinodu tal-Isqfijiet, mal-Vikarjat ta’ Ruma, mad-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Għaqda fost l-Insara u mad-Dikasteru għal Lajċi, Familja u Ħajja.
Iż-żgħażagħ kienu l-protagonisti f’din il-velja li ħadu sehem fiha anki l-464 partiċipant tas-Sinodu. Wara, dawn il-parteċipanti bdew irtir spiritwali li jintemm it-Tlieta, 3 ta’ Ottubru, u l-għada jsir il-ftuħ solenni tas-Sinodu li jibda b’Quddiesa ċċelebrata mill-Papa fil-Vatikan.
Wara din il-Quddiesa, dawk kollha li ser jieħdu sehem fis-Sinodu jmorru fis-Sala Pawlu VI biex jibdew il-ħidma tagħhom, li ddum sad-29 ta’ Ottubru.
Margaret Karram, il-President tal-Moviment tal-Fokolari, hi waħda fost id- 9 mistednin speċjali għal dan is-Sinodu. Fil-messaġġ dwar din il-ġrajja li bagħtet lill-membri tal-Moviment fid-dinja kollha, hi qalet:
“Ma nistax naħbi l-emozzjoni kbira li qed inħoss; tassew kuntenta li nista’ nieħu sehem personalment f’dan il-mument ta’ grazzja. Jiena konxja li ser nieħu miegħi lil kull wieħed u waħda minnkom, membri tal-Moviment tal-Fokolari, u din hi wkoll responsabbilta’”.
U kompliet tgħid:
“Żgur li ħafna minnkom ġa għexu xi passi f’din il-mixja sinodali fil-Knejjes lokali tagħhom, u għamlu esperjenza ta’ xi frott li ġa ħareġ minn dak li sar s’issa. (…)
F’din is-sessjoni li ġejja, aħna msejħin biex “nimxu dejjem aktar flimkien” bħala poplu t’Alla biex din issir realta’ dejjiema li ngħixuha kuljum fil-ħajja tagħna għall-ġid tal-Knisja u tal-umanita’.
Dan kollu jpoġġi f’qalbi x-xewqa kbira li bħala Moviment tal-Fokolari … ntejbu r-rabtiet ta’ unita’,….insaħħu u nsebbħu dawn ir-rabtiet, biex inkunu bennejja ta’ dik l-imħabba li tagħmilna aħwa ta’ xulxin kulfejn inkunu”.
Hi temmet il-messaġġ tagħha bi stedina għat-talb; qalet:
“Fl-aħħar nitlobkom l-aktar ħaġa importanti: it-talb! “Mingħajr it-talb ma jkunx hemm Sinodu” – hekk saħaq Papa Franġisku. U dan reġa’ tennieh il-Kardinal Grech, is-Segretarju ġenerali, fil-waqt li ħeġġeġ lil kulħadd biex jitlob b’fidi u b’serjeta’. Dan ifisser li ngħixu dik il-ġabra li tagħmel spazju għal Alla biex nisimgħuH, u biex qlubna u l-menti tagħna jkunu mdawla bid-Dawl tiegħu… U aħna wkoll, bħala parti mill-poplu kbir t’Alla fid-dinja kollha, nitolbu u noffru biex is-Sinodu – li l-protagonista tiegħu hu l-ispirtu s-Santu – jagħti ħafna frott għall-bnedmin kollha tal-lum u tal-ġejjieni”.
Carlos Mana
Focolare Media Office (Ruma)
Source:
www.focolare.org
Be the first to comment