Dikjarazzjoni tal-President tal-Fokolari dwar is-sitwazzjoni ta’ vjolenza li hemm bħalissa fl-Art Imqaddsa: “Ġustizzja,djalogu u rikonċiljazzjoni,għodda indispensabbli biex tinbena l-paċi”.
Ruma, 8 ta’ Ottubru 2023
Ma nistax nesprimi t-tbatija li qed inħoss f’qalbi bħalissa għan-nies ta’ Iżrael u tal-Palestina: għal dawk li mietu, għall-feruti, għal dawk miżmuma ostaġġi, għal dawk li ma jafux x’sar minnhom, u għall-familji tagħhom, għal dak li qed jiġri f’pajjiżi minħabba s-sitwazzjoni gravi ta’ vjolenza li faqqgħet f’dawn il-ġranet.
Flimkiem mal-Moviment tal-Fokolari kollu, b’fidi kbira ningħaqad mal-appell ta’ Papa Franġisku, ma’ dak tal-Patrijarkat Latin ta’ Ġerusalemm, mal-kliem ta’ paċi ta’ mexxejja ta’ Knejjes Insara differenti u ta’ reliġjonijiet oħra – b’mod partikulari ta’ dawk li jinsabu fir-reġjun Iżraeljan-Palestinjan – biex nitlob li jieqaf l-użu tal-armi, u biex kif qal Papa Franġisku waqt l-Angelus, wieħed jifhem li “t-terroriżmu u l-gwerra ma jwasslu għal ebda soluzzjoni, u li kull gwerra hi telfa”.
Ningħaqad ukoll ma’ dawk li fid-dinja kollha qed joffru talb, tbatijiet u ħidma, fil-waqt li jitolbu lil Alla tal-Paċi u tal-Ġustizzja biex il-paċi tirbaħ fuq il-mibegħda u t-terrur.
Nirringrazzja b’mod partikulari lil dawk li kitbuli minn postijiet fejn hemm il-ġlied, bħall-Ukrajna; dawn esprimew offerta u viċinanza, minkejja li ġa ilhom aktar minn sena jgħixu f’din is-sitwazzjoni traġika.
Ejjew nagħmlu ħilitna kollha biex nibnu dinja fejn il-bnedmin jgħixu bħal aħwa; ejjew nagħmlu dak kollu li nistgħu biex dawn il-popli u dawk kollha li jinsabu fl-istess sitwazzjonijiet ta’nuqqas ta’ stabbilta’ u vjolenza jsibu mill-ġdid it-triq tar-rispett lejn id-drittijiet umani, fejn il-ġustizzja, id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni jkunu l-għodda indispensabbli biex tinbena l-paċi.
Margaret Karram
President tal-Moviment tal-Fokolari
Sors: www.focolare.org
Traduzzjoni: Vivienne Attard
Be the first to comment