Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru

Download pdf


“Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom” (Mt 24, 42).

F’din is-silta mill-Vanġelu ta’ San Mattew, Ġesù kien qed iħejji d-dixxipli tiegħu għal dak il-jum li fih Hu għad jerġa’ jiġi fl-aħħar taż-żmien meta huma jinħasdu għax ma jkunux qed jistennewh.

Anki f’dawk iż-żminijiet kien hemm diffikultajiet, gwerer u tbatija ta’ kull xorta u t-tama tal-poplu Lhudi kienet isserraħ fuq il-Mulej, li kien se jiġi u jixxotta kull demgħa minn għajnejhom. Għalhekk, din l-istennija ma kenitx marbuta ma’ biża’, imma mat-tama li jerġgħu jieħdu r-ruħ, mal-fidwa.

B’dan il-kliem Ġesù qed jagħtina sigriet: qed jgħidilna li jeħtieġ ngħixu tajjeb il-mument preżenti għax Hu għad jerġa’ jiġi meta aħna nkunu mehdijin bl-affarijiet tagħna ta’ kuljum, u tant inkunu moħħna f’dak li għad irridu nagħmlu li xejn ma trid li ninsew lil Alla.

“Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom”.

Ishru: din hi stedina biex inżommu għajnejna miftuħa l-ħin kollu, nagħrfu s-sinjali tal-preżenza t’Alla fl-istorja u fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, u ngħinu `l min hu miexi fid-dlam biex isib it-triq tal-ħajja.

Il-fatt li ma nafux meta Ġesù għad jerġa’ jiġi jġiegħel lilna l-insara noqogħdu attenti u nagħrfu nistennew; jinkuraġġina ngħixu l-mument preżenti mill-aħjar li nistgħu, inħobbu llum u mhux għada; naħfru llum u mhux xi darba; nibdlu r-realtà issa u mhux meta nsibu ftit tal-ħin fil-ġurnata mimlija tagħna.

F’meditazzjoni dwar din il-Kelma tal-ħajja, Chiara Lubich kitbet hekk: “Qatt osservajt li  int m’intix qed tgħix il-ħajja, iżda qed tqattagħha tistenna x’se jiġri għada, li għada jġib miegħu xi ħaġa sabiħa? Il-fatt hu li għada bis-sabiħ tiegħu jasal iżda mhux kif taħseb int. Istint divin iwasslek biex tistenna `l xi ħadd jew lil xi ħaġa li tissodisfak. Għandek mnejn taħseb f’xi ġurnata ta’ festa,  jew f’xi laqgħa ma’ xi ħadd partikulari, iżda kif dak li tkun qed tistenna jgħaddi, ma tkunx sodisfatt għal kollox. U tibqa’ sejjer hekk u taħli ħajtek dejjem tistenna. Il-verità hi li, fost dawk il-mumenti li jfasslu `l ħajtek, hemm wieħed li ħadd ma jista’ jaħarbu: il-laqgħa tagħna mal-Mulej. Dan hu l-isbaħ mument li bla ma taf tinsab tant ħerqan għalih, għax int ġejt maħluq biex tgħix ferħan u Alla biss jista’ jagħtik il-ferħ sħiħ”. 1

“Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom”.

Il-Mulej Ġesù żgur għad jiġi fi tmiem il-ħajja tagħna, imma ġa nistgħu niltaqgħu miegħu fl-Ewkaristija li niċċelebraw u naqsmu bejnietna; fil-Kelma li rridu nisimgħu u ngħixu; f’kull wieħed mill-proxxmu tagħna li rridu nilqgħuh u fil-leħen tiegħu li jkellimna fil-kuxjenza tagħna.

Il-ħajja tal-lum iġġib magħha ħafna provi u jagħtik li tistaqsi: ‘Meta se tintemm din it-tbatija kollha?’.

Ma nistgħux noqogħdu b’idejna fuq żaqqna nistennew li l-Mulej jagħmel xi ħaġa: jeħtieġ nagħtu s-sehem tagħna kull mument biex is-Saltna tiegħu tasal malajr kemm jista’ jkun u jitwettaq il-pjan tiegħu li nsiru lkoll ħaġa waħda bejnietna. Kull ġest żgħir ta’ mħabba, kull darba li nkunu ġentili mal-oħrajn, kull tbissima li nagħtu tibdel ħajjitna f’din l-istennija kontinwa u tagħti ħafna frott.

Paco hu kappillan ġo sptar fi Spanja fejn hemm ħafna pazjenti anzjani. Xi wħud minnhom ibatu minn mard serju li jkiddek. Jirrakkonta: “Ġieli nkun bejn ħalltejn jekk inħabbatx fuq il-bieb tal-kamra ta’ pazjent anzjan li spiss nisimgħu jgħajjat kontra Alla. Iżda jiena nixtieq nagħti xhieda tal-imħabba t’Alla. Għalhekk nidħol ħdejh u nitbissimlu, inkellmu bil-ħlewwa u nfissirlu s-sbuħija tas-sagramenti. Meta nistaqsih jekk iridx jirċevihom iweġibni: ‘U żgur!’. Iqerr u jirċievi l-Ewkaristija u l-Griżma tal-morda. Noqgħod ftit ieħor miegħu, u meta niġi biex inħallih ikun tassew fil-paċi. Bintu li tkun hemm preżenti tibqa’ skantata”.

1:  C.  Lubich, Kelma tal-Ħajja Diċembru 1978, Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5, Città Nuova, Roma, 2017) p. 123.

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.