L-għajxien tal-Vanġelu: “Ishru, mela, għax ma tafux il-jum li fih jiġi Sidkom.”

Ishru: din hi stedina biex inżommu għajnejna miftuħa u nagħrfu s-sinjali tal-preżenza t’Alla fl-istorja u fil-ħajja ta’ kuljum u biex ngħinu lil min ikun qed jgħix fid-dlam isib it-triq tal-ħajja.

Tarbija Oħra

“Int lesta li jkollok aktar tfal meta ġa għandek tlieta?”- staqsietni waħda mill-ħbieb tiegħi. Weġibtha li tarbija hi rigal uniku u li l-esperjenza tal-maternita’ ma tista’ tqabbilha ma ebda esperjenza oħra għax il-ferħ li ġġib magħha tarbija tgawdi minnu l-familja kollha. Tkellimt magħha wkoll dwar l-aspett ekonomiku li b’mod misterjuż qisu bħal jisħaq li kull tarbija hi mibgħuta mis-Sema. Din il-ħabiba qaltli li qed tistenna t-tieni tarbija u stqarret li flimkien ma’ żewġha kienu qed jippjanaw abort għax ekonomikament din kienet ser tkun ta’ piż fuq il-familja. Qabel ma tlaqna lil xulxin qaltli: “Inħossni lesta biex nerġa’ nkun omm mill-ġdid”. 

Nagħtu fiduċja

Meta wieħed mill-kuġini tiegħi kien jiġi għandna d-dar, dejjem kien ikun hemm xi affarijiet żgħar li jisparixxu, u wara konna narawhom fid-dar tal-ġenituri tiegħu. B’ħafna prudenza, ommi qalet b’dan lil ommu u ‘l missieru; iżda dawn tant ħaduha bi kbira li ma baqgħux ikellmuna aktar.

Bħala nsara, ħassejna li kellna naraw kif nagħmlu biex iż-żewġ familji tagħna jerġgħu jibdew jitkellmu. U l-okkażjoni waslet meta dan il-kuġin tkeċċa mill-iskola għax inqabad jisraq l-affarijiet ta’ sħabu. Missieri kellem liz-zijiet u ssuġġerilhom l-isem ta’ speċjalista li seta’ jgħin lil binhom. Batew ħafna, imma fl-aħħar aċċettaw li binhom kien marid b’dan il-vizzju tas-serq. Ommi ġietha l-idea li nagħmlu l-vaganzi flimkien, filwaqt li lilna  ppreparatna  biex inkunu ġenerużi u nuru fiduċja f’dan il-kuġin. Il-kuġin kien tassew kuntent. Hu u l-familja tiegħu bdew jieħdu r-ruħ meta beda jieħu l-kura li kien hemm bżonn.  Darba, meta z-zija kienet titkellem dwar il-familja tagħha qaltilna: “Konna mkabbrin wisq bil-familja tagħna u konna nħossuna superjuri fuq kulħadd. Konna morda bis-suppervja!”    

Ġustizzja u ħniena

Jiena maġistrat f’lokalita’ fejn hemm preżenza qawwija tal-mafja. Kelli ninterroga wieħed akkużat b’diversi atti kriminali għal ħin twil. Kien għadda sew il-ħin għall-ikla ta’ nofsinhar, u għalhekk ġew jistaqsuni jekk ridtx nieqaf biex niekol xi ħaġa. Weġibt iva, basta li anki l-akkużat jiġi mogħti xi ħaġa tal-ikel ukoll. L-akkużat  baqa’ skantat b’din il-propostia tiegħi. Iżda, wara li għamilt  din il-proposta ħakimni ċertu biża’ għax bdejt naħseb fuq kif ser insib ruħi wiċċ imb wiċċ ma’ dan l-akkużat fil-ħin tal-brejk.

F’daqqa waħda għidt f’qalbi: “Iżda jekk jien ninsab hawn biex inħobb lil dan il-proxxmu li hawn quddiemi, għalfejn għandi nibża’?”. Komplejt ninterrogah b’dan l-istess ħsieb f’qalbi. Mingħajr ebda ġudizzju u b’ħafna kalma ppruvajt nurih kemm kien gravi dak li wettaq. Għadda ftit taż-żmien u rċevejt ittra mil-ħabs. Tgħid kiteb biex jitlob tonqoslu l-piena li ġiet mogħtija lilu? Le. Kiteb fit-tul dwar il-miżerja tiegħu u talabni  nifhmu.  Ħaġa stramba li kiteb din l-ittra lili meta kont qtajt sentenza kontrieh.  Kienet ħaġa ċara  li kien hemm xi ħaġ’oħra li laqtitu.

 

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.