“Alla hu mħabba, u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla, u Alla fih” (1 Ġw 4, 16).
“Alla hu mħabba”: din hi l-aktar definizzjoni mdawla t’Alla fl-Iskrittura li nsibuha biss darbtejn, eżattament f’din l-ittra li hi wkoll eżortazzjoni u li nisimgħuha tidwi fil-Vanġelu ta’ San Ġwann. Infatti l-awtur hu dixxiplu li jagħti xhieda tat-tradizzjoni spiritwali tal-appostlu Ġwanni. Hu qed jikteb lil komunità nisranija tal-ewwel seklu li, sfortunatament, kienet għaddejja minn tbatija kbira minħabba nuqqas ta’ qbil fil-fidi u fix-xhieda.
Alla hu mħabba: fih innifsu Hu jgħix il-milja tal-komunjoni bħala Trinità u jimla b’imħabbtu ʼl-ħlejjaq kollha. Lil dawk kollha li jilqgħuh jagħtihom is-setgħa li jsiru wlied Alla , bl-istess DNA tiegħu, jagħmilhom kapaċi jħobbu. U mħabbtu, li hi mogħtija lilna b’xejn, teħlisna minn kull biża’ u mistħija .
Iżda sabiex titwettaq il-wegħda tal-għaqda ta’ bejnietna: aħna f’Alla u Alla fina, irridu “nibqgħu” f’din l-istess imħabba, u f’kull ma nagħmlu nħobbu b’imħabba attiva u dinamika. Għalhekk id-dixxipli ta’ Ġesù huma msejħa jħobbu u jagħtu ħajjithom għal xulxin u jaqsmu ġidhom ma’ kull min jinsab fil-bżonn. B’din l-imħabba, il-komunità tibqa’ waħda magħquda, komunità profetika u fidila.
“Alla hu mħabba, u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla, u Alla fih”.
Din hi aħbar qawwija u ċara għalina wkoll, illum, meta kultant inħossuna mgħaffġa minn ġrajjiet li qatt ma nobsruhom u li diffiċli nikkontrollawhom, bħall-pandemija jew traġedji oħra personali jew soċjali. Inħossuna mitlufa u mbeżżgħa u jagħtina li ningħalqu fina nfusna u nibnu ħitan biex nistkennu minn dak li naħsbu li jkun qed jhedded is-sigurtà tagħna. Filwaqt li aħjar nibnu pontijiet biex bihom inkunu nistgħu niltaqgħu flimkien.
Kif nistgħu nibqgħu nemmnu fl-imħabba t’Alla fi ġrajjiet bħal dawn? Nistgħu nkomplu nħobbu?
Meta Josiane, mara mil-Libanu, saret taf bl-isplużjoni tal-waħx li kien hemm fil-port ta’ Bejrut f’Awwissu tal-2020, hi reġgħet lura lejn pajjiżha. Stqarret hekk ma’ dawk li bħalha jgħixu l-Kelma tal-ħajja: “Ħassejt niket, rabja, dieqa u taħwid. Staqsejt lili nnifsi: mhux biżżejjed dak li għadda minnu l-Libanu? Bdejt naħseb fuq dawk l-inħawi li sfaw imġarrfa għal kollox, postijiet fejn kont twelidt u għext; fejn mietu qraba u ħbieb tiegħi, weġġgħu jew tilfu darhom u kellhom imorru jfittxu l-kenn x’imkien ieħor; fejn inqerdu blokki sħaħ ta’ appartamenti, skejjel u sptarijiet.
Fittixt li nkun qrib ommi u ħuti, li nwieġeb il-messaġġi ta’ dawk li wrewni l-imħabba u t-talb tagħhom; fittixt li f’din il-ġerħa miftuħa u profonda nisma’ lil kulħadd. Ridt nemmen u issa NEMMEN li kull laqgħa ma’ min qed ibati hi sejħa biex inwieġeb bl-imħabba kollha li Alla poġġa f’qalbi. Bdejt niskopri li f’ħafna Libaniżi, il-biċċa l-kbira żgħażagħ, ma kienx hemm biss id-dmugħ, imma wkoll dawl li wassalhom biex jerġgħu iqumu, iħarsu madwarhom u jgħinu ʼl min jinsab fil-bżonn. Nibtet fija t-tama li hawn żgħażagħ lesti jimpenjaw ruħhom bis-serjetà fil-politika, għax huma konvinti li s-soluzzjoni tinsab fit-triq tad-djalogu veru, u li nkunu qalb waħda, u niskopru lilna nfusna, għax b’dan il-mod aħna nkunu lkoll aħwa”.
“Alla hu mħabba, u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla, u Alla fih”.
Chiara Lubich tagħtina suġġeriment prezzjuż biex ngħixu din il-Kelma tal-Vanġelu: “Qatt aktar ma nistgħu nifirdu s-salib mill-glorja, ma nistgħux nifirdu ʼl Ġesù Msallab mill-Irxoxt. Dawn huma żewġ aspetti tal-istess misterju t’Alla li hu Mħabba . […] Meta nagħmlu l-offerta tagħna, għandna nippruvaw ma naħsbux aktar fuqha, imma nwettqu dak li Alla jitlob minna, fil-post fejn inkunu: […] infittxu nħobbu ʼl-oħrajn, lil dawk li jgħixu qrib tagħna. Jekk nagħmlu hekk, nistgħu nħossu effett mhux tas-soltu u mhux mistenni: ruħna timtela bi sliem, b’imħabba, anki b’ferħ safi u dawl […]. U meta nimtlew b’din it-tama, inkunu nistgħu ngħinu aħjar lil ħutna biex isibu l-ferħ fin-niket, biex l-inkwiet jinbidel fi sliem. B’hekk inwasslu l-ferħ lil ħafna nies, dak il-ferħ li l-qalb ta’ kull bniedem tant hi mxennqa għalih» .
Letizia Magri
Be the first to comment