Il-bieraħ filgħodu, il-Ħadd 2 ta’ Mejju, Sergio Mattarella, il-President tal-Italja, għamel żjara privata fiċ-Ċentru Internazzjonali tal-Moviment tal-Fokolari f’Rocca di Papa.
“Kuntent li ninsab hawn u grazzi ta’ din il-merħba. Is-sehem li l-Moviment tal-Fokolari jagħti lil pajjiżna mhuwiex biss dak ekkleżjali, iżda hu wkoll sehem għas-solidarjetà u biex insibu ruħna flimkien”. Hekk qal il-President Mattarella huwa hu jirringrazzja lil Margaret Karram, il-President tal-Moviment tal-Fokolari għall-istedina li saritlu biex iżur iċ-Ċentru Internazzjonali tal-Moviment f’Rocca di Papa.
“Fil-kunċett ta’ ‘fokolare’, li tifforma ruħha familja”– kompla jgħid il-President “hemm sejħa kontinwa għal sens ta’ komunità, biex nagħrfu li għandna bżonn xulxin u li flimkien biss nistgħu nwettqu dak li hu pożittiv, aċċettabbli u li jġib progress. Dan hu sehem importanti ħafna għal pajjiżna”.
Il-President Mattarella kien mogħti merħba mill-President tal-Fokolari flimkien mal-Ko-president Jesús Morán, Maria Voce, l-ex-President tal-Moviment u l-Kunsill Ġenerali li jirrappreżenta l-Moviment fid-dinja kollha.
B’din iż-żjara hu xtaq jesprimi l-ġieħ lejn it-tifkira ta’ Chiara Lubich u Igino Giordani, li huma midfuna fil-kappella taċ-Ċentru. Inżerta li l-jum li fih saret din iż-żjara kien ukoll il-jum li fih il-Moviment Politiku għall-Unità kien qed ifakkar il-25 sena mit-twaqqif tiegħu. Dan il-Moviment twaqqaf minn Chiara Lubich biex kif qalet hi stess: “il-fraternità ssir kategorija politika”. Anki Papa Franġisku fakkar dan l-anniversarju waqt l-Angelus tal-Ħadd 2 ta’ Mejju u awgura lill-membri ta’ dan il-Moviment “ħidma t-tajba li tkun ta’ servizz għal politika tajba”.
Meta wasal iċ-Ċentru, il-President Mattarella ried jara l-iskultura tal-bronż tal-On. Giordani, li hi xogħol tal-artist Peter Kostner. Din l-iskultura kienet inawgurata fit-18 ta’ April li għadda fl-okkażjoni tal-41 anniversarju mill-mewt ta’ Giordani.
Fid-diskors tagħha biex issellem lill-President, Margaret Karram żguratu li l-Moviment tal-Fokolari kien ser ikompli bil-ħidma tiegħu ta’ solidarjetà, “u li kien ser ikompli jifrix din il-ħidma biex jgħin lil dawk il-ħafna persuni li ddgħajfu frott tal-kriżi sanitarja”. “Id-dinja – kompliet tgħid – l-aktar f’dawn iż-żmenijiet qed titlob aktar kondiviżjoni u l-ideal tal-unità tal-Fokolari jista’ u għandu jagħti s-sehem tiegħu għal dan”.
Fil-waqt li fakkret fil-kliem “Kun familja” li Chiara Lubich dejjem saħqet dwaru ma’ dawk li jaderixxu għall-ispiritwalità tal-unità, Margaret Karram awgurat “li l-Moviment iwettaq il-programm li tfassal għaż-żmien li qegħdin fih matul l-aħħar Assemblea Ġenerali. U dan hu li nħaddnu d-dinja, filwaqt li nisimgħu l-għajta tal-umanita, tal-ħolqien u tal-ġenerazzjonijiet ġodda”.
Fil-Quddiesa, waqt l-omelija l-ko-president Morán qal: “Il-pandemija għadha ma waqfitx taħsad vittmi umani, il-paċi qed issibha diffiċli biex tistabbelixxi rabtiet internazzjonali. Irridu nitolbu b’aktar ħerqa , iżda biex dan iseħħ hemm bżonn li l-insara jiddeċidu li jkunu fi Kristu, fl-imħabba tiegħu, billi jgħixu l-kmandament tal-imħabba lejn xulxin”.
Meta sellem lil dawk preżenti, il-President qal ukoll: “Qabel ma bdejna hawnhekk, ħaduni nara wkoll il-kappella fejn hemm dak il-mużajk daqshekk meraviljuż wara l-artal, u fejn hemm l-oqbra ta’ Chiara Lubich u Igino Giordani li kelli x-xorti li nsir nafu meta kont għadni żgħir, u ta’ Dun Foresi: tassew figuri straordinarji”.
Il-President tkellem dwar Giordani anki fl-introduzzjoni li kiteb għall-bijografija “Igino Giordani un eroe disarmato” (ta’ Alberto Lo Presti, Città Nuova Ed.) li ġiet ippublikata dan l-aħħar. Qal li x-xhieda ta’ ħajja nisranija li jagħti Giordani hi waħda li tassew għandha tispirak.
Stefania Tanesini
Source: www.focolare.org
Watch video: https://vimeo.com/544252523
Be the first to comment