Mariapoli 2023: “Għext esperjenza qawwija tal-imħabba t’Alla”

“Ferħ u tama, hemm post għalihom illum?” – din kienet it-tema tal-Mariapoli 2023, li saret fis-Seabank Hotel, il-Mellieħa, bejn is-17 u 19 ta’ Marzu li għadda.

Il-Moviment tal-Fokolari jorganizza l-Mariapoli kull sena, mhux biss Malta imma f’diversi postijiet fid-dinja, u min jieħu sehem ikun mistieden jagħmel esperjenza ta’ fraternita’ fid-dawl tal-valuri tal-Vanġelu.

Forsi tgħid: min jazzarda jitkellem fuq ferħ u tama f’dinja mifnija b’tant gwaj: gwerrer, diżastri naturali, ġuħ, faqar, qtigħ il-qalb, inġustizzja …?

Titkellem fuq ferħ u tama llum hija sfida, iżda sfida tissarraf ukoll f’opportunita’, u naħseb li hekk kienet l-esperjenza tal-Mariapoli 2023 għal 250 ruħ li ħadu sehem fiha, fosthom anki xi nies mill-Pakistan, mill-Filippini u mill-Afrika.

Sa minn kmieni wara nofsinhar, il-Ġimgħa 17 ta’ Marzu, familji bit-tfal, żagħżagħ, adulti u anzjani bdew jinġabru fil-foyer tal-hotel. Nies li ihuma midħla sew tal-Fokolari kienu kuntenti li reġgħu sabu ruħhom flimkien għal din l-esperjenza, li kienet ilha ma ssir sentejn minħabba l-pandemija, fil-waqt li oħrajn li ġew għall-Mariapoli għall-ewwel darba, malajr sabu min jagħtihom merħba. Ma stajtx ma tosservax arja sabiħa ta’ stennija! .

Il-programm tal-Mariapoli beda b’quddiesa, li tmexxiet mill-Eċċellenza tiegħu l-Arċisqof Savio Tai-Fai, Nunzju Appostoliku għal Malta. It-tislima tiegħu bil-Malti serqet bosta qlub. L-Eċċellenza tagħha, il-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca u s-sur Preca, ukoll kienu preżenti għall-ftuħ ta’ din il-Mariapoli. Wara l-Quddiesa nqara l-messaġġ li Margaret Karram, President tal-Fokolari, bagħtet lil Papa Franġisku fl-okkazzjoni tal-għaxar anniversarju tal-pontifikat tieghu.

Il-programm għall-bqija tal-Mariapoli kien kollu ffukat fuq tama u ferħ, u offrielna opportunita’ biex niefqu u nirriflettu, niskopru s-sabiħ u l-pożittiv, u nissaħħu f’dik l-enerġija meħtieġa biex temmen u tittama.

Il-kliem mimli għerf tas-Sur Joseph Bonnici, soċju tal-MUSEUM, li għamel diskors mill-isbaħ fuq it-tama, l-esperjenzi sbieħ u siewja ta’ nies ġejjien minn diversi oqsma tal-ħajja, il-mużika u l-kant b’messaġġ li jqanqal il-qlub, il-mumenti ta’ sharing, anki waqt diversi workshops, is-sehem kollu ħeġġa taż-żgħażagħ u dak mimli ħlewwa tat-tfal … kollha għenu biex tinħoloq atmosfera mill-isbaħ, atmosfera ta’ familja. Iżda fuq kollox kienu opportunita’ biex wieħed jiskopri jew jiskopri mill-ġdid li “fl-għalqa kollha xewk tal-ħajja … titfaċċa l-ħajja, stinata u qatt mirbuħa” u li “ kuljum fid-dinja tagħna qed jinbet mill-ġdid il-ġmiel, li jixref minn qalb it-taqlib tal-istorja” (Papa Franġisku: Evangelii Gaudium n. 276).

Waqt mixja fil-kampanja fl-aħħar ġurnata tal-Mariapoli, kellna l-okkażjoni li mhux biss nammiraw il-ġmiel tan-natura, bl-għelieqi ħodor fuq naħa u l-baħar kaħlani fuq in-naħa l-oħra, imma wkoll biex insiru nafu aktar lil xulxin. Matul it-triq kelli ċ-ċans nitkellem ma’ persuna li ma kontx nafha qabel. Qasmet miegħi xi ftit minn dak li tgħix u stajt napprezza kemm ġid isir fis-skiet, u kemm tassew nistgħu nkunu xhieda ta’ tama u ferħ.

Il-Mariapoli ġiet fi tmiemha b’quddiesa konċelebrata li tmexxiet minn Mons. Isqof Joseph Galea Curmi. Il-preżenża tiegħu fostna kienet barka li kompliet tnissel dak is-sens ta’ Knisja waħda li qed tagħmel vjaġġ wieħed, vjaġġ ta’ tama u ferħ, fil-waqt li tħejji ruħha għall-Ġublew 2025, li għalih Papa Franġisku għażel it-tema “Pellegrini ta’ Tama”.

L-arja ta’ stennija li kien hemm fil-bidu bħal qisu ħadet xejra ġdida: ilmaħt spirtu qawwi ta’ fraternita’ ta’ tama u ferħ. Għext esperjenza qawwija tal-imħabba t’Alla li mlietni b’kuraġġ u ħeġġa ġdida. Għaraft li għandna teżor ta’ ħajja u mħabba li ma jqarraqx bina, u tkattret fija rieda aktar soda biex flimkien ma’ oħrajn nippersevera “fit-triq tal-ħolm” miftuħa għall-ġejjieni ta’ tama, għaqda u sliem. Lil Ġesu għidtlu m’għandi xejn xi ngħid ħlief grazzi ta’ din l-esperjenza sabiħa.

Anna Caruana Colombo

Aqra l-artiklu fil-gazzetta “Il-Lehen”, Il-Ħadd 21 ta’ Mejju 2023

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.