Mixja lejn l-unità!

L-esperjenza qawwija tal-Mariapoli Ewropea kienet waħda li ġarrfet ħitan u bniet il-fraternità bejn nies ġejjien minn pajjiżi differenti.

Il-Mariapoli Ewropea 2019 ġiet fi tmiemha s-Sibt 10 ta’ Awwissu. Ħafna minn dawk li ħadu sehem fiha ħassew li kienet mixja lejn l-unità li seħħet f’dawk l-istess postijiet fejn bdiet il-ħajja tal-Moviment tal-Fokolari u mnejn kulħadd telaq lura lejn pajjiżu b’aktar determinazzjoni li jgħix għal dinja magħquda.

Wara erba’ ġimgħat sbieħ li fihom din il-belt ta’ Marija laqgħet aktar minn 2800 ruħ mill-pajjiżi kollha tal-Ewropa u anki xi oħrajn minn kontinenti oħra, fl-aħħar ġurnata, ħafna minn dawk preżenti għall-aħħar ġimgħa tal-Mariapoli nġabru għal ċeremonja li saret biex l-isem “Via Chiara Lubich” ġie mogħti lil waħda mit-toroq ta’ dan il-post storiku. Għal din iċ-ċeremonja kienu preżenti s-Sindku tal-post, l-Arċisqof ta’ Trento u l-president tal-Moviment tal-Fokolari.

Via Chiara Lubich
L-isem “Via Chiara Lubich” ġie mogħti lil waħda mit-toroq ta’ dan il-post storiku

Fid-diskors tiegħu għal din l-okkażjoni, l-Arċisqof ta’ Trento saħaq li l-esperjenza li Chiara għexet  f’dak il-post fl-1949 “kienet waħda tassew mistika: hi rat kif igħix Alla u tat il-ħajja ta’ Alla lill-bnedmin”. U kompla: “Nitolbu għall-popli tagħna biex huma wkoll ikunu rġiel u nisa li jaraw lil Alla u jirrakkuntaw dwar Alla, dwar il-ġmiel u t-tjubija tiegħu”.

Meta s-sindku Depaoli għamel id-diskors tiegħu, fost affarijiet oħra qal: “Bħala amministrazzjoni, xtaqna nuru li aħna qrib Chiara u l-Moviment, u għalhekk hi ħaġa naturali li t-triq li tinsab quddiem Baita Paradiso u anki quddiem il-Palazz Scopoli, wieħed mill-postijiet li jfisser ħafna  għall-komunità  u l-istorja tagħna, tiġi mogħtija l-isem ta’ Chiara Lubich”.

Wara din iċ-ċeremonja, l-Arċisqof ta’ Trento mexxa quddiesa li saret fi Pieve ta’ Fiera di Primiero. Ħawnhekk sar dak li kien sar fl-aħħar Mariapoli li saret fi Primiero fl-1959: il-konsagrazzjoni tal-ġnus  lil Marija.

Maria Voce u s-Sindku Depaoli
Maria Voce u s-Sindku Depaoli

Maria Voce, il-President tal-Moviment tal-Fokolari tat il-messaġġ tagħha fit-tmiem tal-programm tal-Mariapoli li sar wara nofsinhar. Filwaqt li saħqet fuq l-interdipendenza planitarja u fuq id-destin komuni tal-ġnus kollha, hi temmet tgħid: “Illum ukoll, bħal sittin sena ilu, nistgħu nitolbu lil Alla għall-għaqda fost il-ġnus. Nawgura li flimkien ma’ din it-talba nġeddu l-impenn  tagħna,  personali u komunitarju, li ngħixu għal dinja magħquda. Jeħtieġ inxerrdu ż-żerriegħa tal-bidla u nibdlu l-preżent filwaqt li niktbu paġni ġodda fl-istorja tal-familja tal-bnedmin li tagħmel il-mixja tagħha lejn l-unità”.

David Sassoli, il-President tal-Parlament Ewropew bagħat messaġġ biex isellem lill-parteċipanti tal-Mariapoli  “li għexu din l-esperjenza straordinarja umana u spiritwali fuq l-eżempju ta’ Chiara Lubich” u fakkar li: “Fi żmien ta’ firdiet, ħitan u birbed wires hu fundamentali li wieħed iwieġeb bil-loġika li  tlaqqa’ flimkien  u tibni komunità” .

L-esperjenza qawwija tal-Mariapoli Ewropea kienet waħda li ġarrfet ħitan u bniet il-fraternità bejn nies ġejjien minn pajjiżi differenti. Il-qsim ta’ esperjenzi u ta’ xhieda li sar waqt il-Mariapoli  ma jħalli ebda spazju għall-għeluq u l-egoiżmu.

Vivienne Attard

 


VIDEO: Inauguration of Chiara Lubich Street (in Italian)


 

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.