Mariapoli Ewropea 2019

Dan is-sajf, il-Moviment tal-Fokolari organizza Mariapoli Ewropea. Jikteb xi ħadd mill-grupp Malti li ħa sehem.

Min kellu jgħid li minn vaganza fuq id-Dolomiti, muntanji mill-isbaħ fl-Italja ta’ Fuq, kellha titwieled l-avventura tal-Mariapoli? Xi tkun? L-isem ifisser ‘Belt ta’ Marija’, belt imġedda bl-imħabba tal-Vanġelu. Fil-bidu din kienet sempliċement vaganza li fiha grupp ta’ tfajliet bdew jgħixu flimkien ir-“regola tad-deheb”: ġib ruħek mal-oħrajn kif tixtieq li ħaddieħor iġib ruħu miegħek. L-ewwel Mariapoli saret fl-1949, imma xejn ma kien ipproggrammat minn qabel. Chiara, ħtiġilha titlaq għal ftit taż-żmien minn Ruma u tmur tistrieħ fuq il-muntanji. Flimkien ma’ sħabha, l-ewwel fokolarini, marret Tonadico. Imma hemmhekk kellhom tistennihom avventura mill-isbaħ, għax Alla kellu pjan ieħor għalihom. Chiara għexet perijodu spiritwali intens ħafna, għaqda profonda m’Alla, li nsibuh bħala “Paradiso ‘49”. Paradiso għax kien żmien ta’ dawl, żmien fejn hi qasmet ma’ sħabha dak kollu li Alla nebbaħha fuq il-Moviment li kellu jitwieled.

Fl-ewwel Mariapoli ħadu sehem Taljani, Franċiżi u Ġermaniżi. Ma kienx għadda ħafna żmien minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija imma, b’Ġesù f’nofshom (“Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom”: Mt 18, 20), huma tħeġġu bil-kariżma ġdid ta’ Chiara Lubich: ‘Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda’. Insew dak kollu li kien jifridhom biex hekk setgħu “Iħobbu `l pajjiż ħaddieħor bl-istess imħabba li  kellhom għal pajjiżhom”. Kemm jgħodd għal żmienna dan, fejn qed naraw il-kontinent tagħna għaddej minn kriżi, u l-Mariapoli hija proposta mill-aktar qawwija biex tfejjaq il-firdiet ta’ bejn bniedem u ieħor, u ta’ bejn pajjiż u ieħor!

Alla baqa’ jispira lil Chiara u fuq din l-ewwel esperjenza twieldu wkoll bliet żgħar fejn dan l-ispirtu tal-ewwel insara huwa r-regola tal-ħajja, u li aħna nsejħulhom ‘Mariapoli Permanenti’. L-ewwel waħda twaqqfet f’Loppiano, qrib Firenze, imma llum il-ġurnata bliet bħal din jgħoddu aktar minn 20, mifruxin mad-dinja kollha.

Dan is-sajf, il-Moviment tal-Fokolari organizza Mariapoli Ewropea, fuq l-istess xenarju tal-ewwel waħda. Minn Malta telaq grupp ta’ 25 Malti u Maltija li diġà konna nafu xi ftit lil xulxin. Imma f’din l-atmosfera sirna tassew ħaġa waħda, mhux biss bejnietna imma wkoll ma’ parteċipanti oħra Ewropej.

Il-programm kien wieħed sempliċi: filgħodu konna niltaqgħu għal ftit tal-ħin biex nimmeditaw xi silta mill-Vanġelu, u wara konna nisimgħu esperjenzi minn nies li kienu għexu f’ħajjithom dik is-silta li tkun inqrat. F’atmosfera bħal din il-quddiesa kienet tkun il-qofol tal-ġurnata! Wara l-ikel konna noħorġu lkoll flimkien u nagħmlu passiġġati fuq dawk il-muntanji sbieħ. B’hekk kien ikollna aktar ħin biex nitkellmu u nsiru nafu sew lil xulxin.

Għalkemm xi ftit jew wisq aħna lkoll differenti minn xulxin, imma bejnietna nistgħu nibnu rabtiet li jagħmluna lkoll aħwa bejnietna. Il-Mariapoli għandha tkun dik l-atmosfera li ġġedded id-dar, ir-raħal u l-belt tagħna. Iva, anki lil pajjiżna kollu kemm hu. Hija l-atmosfera li tista’ tfejjaq lid-dinja tal-lum! Tassew, Ġesù dan hu li kkmandana nagħmlu: li nħobbu lil xulxin, kif ħabbna Hu!

Anthony Aquilina


 

1 Comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.