Solidarjetà mal-Pakistan

L-għargħar fil-Pakistan ħallew qerda kbira li qed jikkawżaw tbatijiet enormi. Maria Bonnici kellha l-opportunita’ tinterviżta lil Rubina Ashiq, fokolarina mill-Pakistan, li tkellmet dwar is-sitwazzjoni kerha ta’ pajjiżha u anki dwar l-għajnuna li l-Moviment tal-Fokolari qed jagħti biex itaffi xi ftit mit-tbatijiet ta’ dan il-poplu.

Intervista lil Rubina Ashiq

Rubina Ashiq

Rubina ddeskriviet il-Pakistan bħal pajjiż kbir fejn 65% tal-popolazzjoni tgħix f’irħula, li jinsabu qrib ix-xmajjar. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn in-nies jaqilgħu l-għajxien tagħhom mix-xogħol fl-għelieqi, u mhux l-ewwel darba li kawża tal-maltemp jitilfu kollox u ma jkollhomx biex jgħixu.

Iżda l-effetti tal-bidla fil-klima qed jinħassu anki fil-Pakistan għax ix-xita f’dawn l-aħħar xhur kienet tassew straordinarja u ħalliet ħerba kbira: mietu aktar minn 1,600 ruħ, inqerdu madwar 700,000 dar, u tlett miljun ruħ kellhom ifittxu l-kenn x’imkien ieħor għax l-irħula fejn kienu jgħixu nqerdu għal kollox.

Rubina żiedet tgħid li l-problema kompliet tiggrava għax l-istat m’għandux il-forzi meħtieġa biex jaffronta din is-sitwazzjoni li qed tikkawża aktar ġuħ u mard, b’nuqqas kbir ta’ mediċini u sptarijiet.

X’qed jagħmel il-Moviment tal-Fokolari biex jagħti l-għajnuna tiegħu f’din il-kriżi?

Fit-tweġiba tagħha, Rubina bdiet biex tgħid li l-komunita’ tal-Fokolari fil-Pakistan xammret il-kmiem u flimkien man-nies tal-post qed tagħti l-għajnuna tagħha bl-aħjar mod li tista’, għax bħalma wieħed jista’ jimmaġina hemm diffikultajiet kbar. Żgħażagħ, volontarji u membri oħra tal-Moviment organizzaw ruħhom fi gruppi biex jagħtu għajnuna ta’ kull xorta, fil-waqt li miċ-Ċentru tal-Moviment f’Karachi qed ikun organizzat anki it-tqassim tal-għajnuna kollha li qed tasal. “Mhux qed tingħata biss għajnuna konkreta” qalet, “imma l-Fokolar qed jagħmel minn kollox biex in-nies imġarrba jħossu li hemm min hu qrib tagħhom u qed jieħu ħsiebhom” Ħafna minn dawk milquta huma Musulmani, imma dak li rrakkuntat Rubina hu xhieda ta’ solidatjeta’ li tmur ‘l hemm minn reliġjon u klassi.

F’ittra li r-responsabbli tal-Moviment f’Rawalpindi, kitbu lil Margaret Karram, il-President tal-Moviment tal-Fokolari, fost affarijiet oħra qalulha:

“(…) Daqs erbgħa siegħat bil-karrozza ‘l bogħod minna hemm irħula li ġew milquta sew. Qed nagħmlu ħilitna biex ngħinuhom (…). Inħossu li bħala Moviment għandna nkunu konkreti fl-għajnuna tagħna, anki billi nikkollaboraw ma’ għaqdiet oħra. Qegħdin f’kuntatt mal-Isqfijiet u anki mal-Caritas.

Kuljum jaslulna  talbiet għall-għajnuna minn komunitajiet li la għandom x’jieklu u lanqas post fejn jorqdu. Il-lista ta’ affarijiet urġenti ma tispiċċa qatt. U nwieġbu għax qed nibqgħu  nemmnu fil-ġenerożita’ ta’ min jista’ joffri għajnuna anki dik finanzjarja (…)”.

Margaret malajr weġbithom u wegħdithom l-għajnuna tal-Moviment fid-dinja kollha. Fil-fatt mill-ewwel ġiet imnedija kampanja ta’ ġbir ta’ fondi fuq il-website ta’ Azzjoni Għal Dinja Magħquda (AMU) u anki fuq il-website internazzjonali tal-Moviment.

Il-preżenza ta’ Rubina, fostna hawn Malta wasslitna biex nisimgħu aktar mill-qrib il-karba ta’ dan il-poplu mġarrab, u l-komunita’ tal-Fokolari mill-ewwel wieġbet, mhux biss bit-talb imma wkoll b’ donazzjonijiet.

Jekk għad hawn min jixtieq jibgħat għajnuna finanzjarja, jista’ jagħmel dan permezz ta’ dawn il-websites:  AMU (Azzjoni Għal Dinja Magħquda) u is-sit internazzjonali tal-Fokolari: www.focolare.org.

Traduzzjoni: Vivienne Attard

 


Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.