Hu jgħix!

Silta mill-Eżortazzjoni Christus Vivit  ta’ Papa Franġisku n.124-129

“(…) Hu jgħix! Hemm bżonn niftakruh spiss dan, għax inkella nirriskjaw li lil Ġesù Kristu narawh biss bħala eżempju tajjeb tal-passat, bħala tifkira, bħala xi ħadd li salvana elfejn sena ilu. Dan ma jkun jiswielna għal xejn, iħallina kif konna qabel, ma jeħlisniex. Dak li jfawwarna bil-grazzja tiegħu, dak li jeħlisna, dak li jibdilna, dak li jfejjaqna u jfarraġna hu persuna ħajja. Hu Kristu rxoxt, mogħni bil-ħajja sopranaturali, imlibbes b’dawl bla qies. Għalhekk San Pawl stqarr: “Jekk Kristu ma kienx imqajjem, fiergħa l-fidi tagħkom” (1 Kor 15:17).

Jekk hu jgħix, mela tassew jista’ jkun preżenti fil-ħajja tiegħek, f’kull mument tagħha, biex jimlieh bid-dawl tiegħu. Allura ma tħossok qatt waħdek u abbandunat. Imqar jekk jitlaq kulħadd, hu jibqa’ hemm, kif wiegħed: “U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20). Hu jimla kollox bil-preżenza moħbija tiegħu, u kull fejn tmur sa ssibu jistenniek. Għax hu mhux biss ġie, imma jiġi u jibqa’ jiġi ta’ kuljum biex jistiednek timxi lejn xefaq dejjem ġdid.

Ikkontempla lil Ġesù hieni, irid jaqbeż bil-ferħ. Ifraħ mal-Ħabib tiegħek li ttrijonfa. Qatlu lill-qaddis, il-ġust, l-innoċenti, imma hu rebaħ. Il-ħażen m’għandux l-aħħar kelma. Lanqas f’ħajtek il-ħażen mhu ħa jkollu l-aħħar kelma, għax il-Ħabib tiegħek li jħobbok irid jittrijonfa fik. Il-Feddej tiegħek ħaj.

Jekk hu jgħix, din hi garanzija li t-tajjeb għandu postu f’ħajjitna, u li t-taħbit tagħna għal xi ħaġa ħa jiswa. Allura nistgħu nieqfu ngemgmu, u nixħtu ħarsitna ’l quddiem, għaliex flimkien miegħu dejjem tista’ tħares ’il quddiem. Din hi ċ-ċertezza li għandna. Ġesù hu dak li jgħix għal dejjem. Imqabbdin miegħu, ngħixu u ngħaddu bla mimsusa minn kull xorta ta’ mewt u ta’ vjolenza li nsibu moħbija mal-medda tat-triq.

Kull soluzzjoni oħra tisfa dgħajfa u temporanja. Forsi tiswielna għal ftit taż-żmien, imbagħad nerġgħu nsibu ruħna mill-ġdid b’xejn x’jiddefendina, mitluqa għal riħna, esposti għall-maltempati. Imma flimkien miegħu, il-qalb issib għeruqha f’ċertezza qawwija, li tibqa’ sħiħa lil hemm minn kollox. San Pawl jgħid li jrid jintrabat ma’ Kristu biex “nagħraf lilu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet” (Fil 3:10). Hija l-qawwa li se tidher bosta drabi anki fil-ħajja tiegħek, għax hu ġie biex jagħtik il-ħajja, “u l-ħajja bil-kotra” (Ġw 10:10).

Jekk jirnexxielek tapprezza bil-qalb il-ġmiel ta’ din l-aħbar u tħalli lill-Mulej jiġi jiltaqa’ miegħek; jekk tħallih iħobbok u jsalvak; jekk tidħol fi ħbiberija miegħu u tibda tiddjaloga ma’ Kristu ħaj fuq il-ħwejjeġ konkreti ta’ ħajtek, din issir l-esperjenza l-kbira, issir l-esperjenza fundamentali li twieżen il-ħajja Nisranija tiegħek.”  

 

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.