Id-diplomazija divina

“… Nimxu fit-triq bħad-dixxipli ta’ Emmaus b’dik it-Tielet Persuna fostna li tagħti valur divin lil dak kollu li nagħmlu.

U mbagħad ma nkunux aħna li naħdmu, aħna li ninsabu waħidna u li nbatu, imsejkna u limitati. Ikollna magħna lil Dak li jista’ kollox. U min jibqa’ magħqud ħaġa waħda miegħu, jagħmel ħafna frott. Minn grupp wieħed, minn ċellula waħda jinbtu ħafna gruppi. Għandna nsiru ħaġa waħda mal-proxxmu, ninsew għal kollox lilna nfusna, ma nagħtux kas tagħna nfusna. Min jaħseb fl-oħrajn, min jaħseb f’ħutu l-bnedmin, jibda jwarrab lilu nnifsu mingħajr ħafna taħbit.

Din hija d-diplomazija tal-imħabba, li tixbah ħafna lid-diplomazija ta’ din id-dinja. Għalhekk hija ma tgħidx kulma tixtieq tgħid għax għandu mnejn li dan ma jogħġobx lill-proxxmu u lanqas Alla ma jieħu gost bih. Din l-imġiba taf tistenna, taf titkellem u tasal biex tilħaq l-iskop tagħha. Din hija d-diplomazija ta’ Alla li sar bniedem biex lilna jagħmilna allat.

Iżda fiha hemm ħaġa essenzjali u karatteristika li tagħżilha mid-diplomazija tad-dinja, fejn meta ngħidu li bniedem hu diplomatiku spiss nifhmu li hu bniedem li jrid jaħbi l-verita’ jekk mhux ukoll iqarraq.

Fid-diplomazija divina hemm xi ħaġa kbira li forsi tinsab fiha biss: l-iskop tagħha hu l-ġid tal-oħrajn u għalhekk hi nieqsa minn kull forma ta’ egoiżmu.

Din ir-regola tal-ħajja għandha tmexxi kull ħidma diplomatika, u bl-għajnuna t’Alla din hi xi ħaġa li tista’ ssir għax Alla mhuwiex biss is-sid ta’ kull bniedem, imma hu s-sultan tal-ġnus u ta’ kull soċjeta’.

Li kieku kull min jaħdem fid-diplomazija jħobb lill-ġnus l-oħra bħalma jħobb lil dawk ta’ art twelidu, kieku jkollu d-dawl u bl-għajnuna t’Alla jasal biex jagħtisehmu ħalli r-rabtiet bejn Stat u ieħor jkunu bħal dawk kif suppost ikunu bejn bniedem u ieħor. L-imħabba hija dawl li jiggwida, u min jagħmel din il-ħidma jkollu l-grazzja li jaqdi dmiru sew.

Jalla jkollna l-għajnuna t’Alla u li aħna nkunu lesti li nilqgħuha u nagħmlu dak li jrid hu, sabiex mis-Sema l-Mulej ikun jista’ jara dehra ġdida: iseħħ it-testment tiegħu fost il-ġnus.
Għalina din tista’ jidher bħal ħolma, imma għal Alla hi r-regola, ir-regola waħdanija li tagħti garanzija għall-paċi fid-dinja.”

Chiara Lubich – Scritti Spirituali P.279-280
Traduzzjoni – meħuda minn “Meditazzjoni – Chiara Lubich” – P91- 93

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.