“La qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek” (Lq 5, 5).

Ħsieb ta’ Chiara Lubich (Frar 1983)

Ġesù temm jgħallem lin-nies u waqt li kien bilqiegħda fid-dgħajsa ta’ Xmun, talab lil Xmun u lil sħabu biex ikalaw ix-xbiek. Kienu għamlu lejl sħiħ jitħabtu u ma qabdu xejn, iżda Xmun wieġeb: “La qiegħed tgħid int ħa nkala x-xbiek”.

U hekk għamlu u qabdu kotra kbira ta’ ħut, tant li x-xbiek kien għoddu nqasam (…). Wara lejl jistadu għalxejn, Pietru li kien sajjied gwapp seta’ beda jitbissem meta sama’ l-proposta ta’ Ġesù u ma aċċettahiex, speċjalment meta kien jaf li matul il-jum iċ-ċans li jaqbdu l-ħut kien ferm anqas. Iżda ma qagħadx jirraġuna u wera fiduċja f’Ġesù.

Illum ukoll, kull min jemmen hu msejjaħ biex jgħaddi minn sitwazzjoni bħal din. Il-fidi ta’ min jemmen tgħaddi minn ħafna provi. Nimxu wara Ġesù jfisser deċiżjoni, impenn u perseveranza, meta qed ngħixu f’dinja fejn kollox qisu jistedinna biex ma nagħtux kas, biex inkunu nies ta’ nofs kedda, biex inħallu kollox għaddej.

Dak li jeħtieġ inwettqu jidher kbir wisq, jidher impossibbli li nwettquh, naħsbu li ser infallu qabel biss inkunu bdejna. Għalhekk għandna bżonn tal- qawwa biex nibqgħu mexjin ‘l quddiem, biex nirreżistu l-ambjent fil-kuntest soċjali, mal-ħbieb, fejn jidħlu l-mass media. Il-prova li għandna quddiemna hi iebsa ħafna, iżda jekk niffaċċawha u nilqgħuha, din isservina biex nindunaw li l-kliem ta’ Ġesù huwa veru, li l-wegħdiet tiegħu jitwettqu.

Alla jimla b’kull ġid lil dawk li jimxu warajh: jagħtihom il-mitt darba aktar f’din id-dinja u l-ħajja ta’ dejjem. Terġa’ tiġġedded is-sajda. “La qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek”.

Kif ser ngħixuha din il-kelma?

L-għażla ta’ Pietru rridu nagħmluha tagħna: “La qiegħed tgħid int….”. Irridu npoġġu l-fiduċja tagħna fil-kelma tiegħu u ma niddubitawx dak li Hu jitlob minna. Anzi: irridu nibnu l-imġiba tagħna, dak li nagħmlu, dak li ngħixu fuq il-Kelma tiegħu.

U hekk inkunu qed nibnu ħajjtna tassew fis-sod, fiż-żgur, u nistagħġbu meta naslu biex nikkontemplaw li propju fejn tonqos kull riżorsa umana, jidħol Hu, u fejn kollox jidher umanament impossibli, titwieled il-ħajja.

Chiara Lubich (Kelma tal-ħajja, Frar 1983)


Watch video (Italian with English subtitles):

https://vimeo.com/319501364

Rocca di Papa, Rome, 21st December 1982. From the recording of Chiara Lubich’s commentary on the Word of Life for February 1983.

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.