Il-Vatikan – 06/04/2022
Udjenza Ġenerali tal-Papa Franġisku wara l-Vjaġġ Appostoliku f’Malta – 6 ta’ April 2022
“Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba bikom!
Is-Sibt u l-Ħadd li għadda żort Malta: Vjaġġ appostoliku li kien ilu żmien ipprogrammat; kien ġie pospost sentejn ilu, minħabba l-Covid u l-konsegwenzi tiegħu. Ftit jafu li Malta, imqar jekk hi gżira f’nofs il-Mediterran, bikri ħafna laqgħet il-Vanġelu. Għaliex? Għax l-Appostlu Pawlu safa nawfragu qrib il-kosta tagħha u b’mod tal-għaġeb salva hu flimkien ma’ dawk li kienu fil-ġifen, fuq 270 ruħ. Il-ktieb tal-Atti tal-Appostli jirrakkonta kif il-Maltin laqgħuhom kollha, u jgħid din il-kelma: “bi ħlewwa liema bħalha” (28:2). Dan hu importanti, ma rridux ninsewh: “bi ħlewwa liema bħalha”. Għażilt proprju dawn il-kelmiet: bi ħlewwa liema bħalha, bħala motto tal-Vjaġġ tiegħi, għax jindikawlna t-triq li għandna nimxu mhux biss biex naffrontaw il-fenomenu tal-migranti, imma b’mod iżjed ġenerali biex id-dinja ssir iżjed fraterna, post li iżjed tista’ tgħix fih, u ssalva minn “nawfraġju” li qed jheddidna lkoll, li ninsabu – kif tgħallimna – fuq l-istess dgħajsa, ilkoll kemm aħna. F’dan il-kuntest, Malta hija post-muftieħ.
Hija hekk qabelxejn ġeografikament, minħabba l-pożizzjoni tagħha fil-qalba tal-Baħar li jinsab bejn l-Ewropa u l-Afrika, imma li jaħsel ukoll ix-xtut tal-Asja. Malta hi bħal “warda tal-irjieħ”, fejn jiltaqgħu popli u kulturi; hija punt ipprivileġġjat biex minnu nosservaw 360o madwarna r-reġjun tal-Mediterran. Illum spiss nitkellmu fuq “ġeopolitika”, imma b’xorti ħażina l-loġika dominanti hija dik tal-istrateġiji tal-Istati l-iżjed b’saħħithom biex jaffermaw l-interessi tagħhom billi jwessgħu l-firxa tal-influwenza ekonomika, jew influwenza ideoloġika jew influwenza militari: dan qed narawh bil-gwerra. F’dan ix-xenarju, Malta tirrappreżenta l-jedd u s-saħħa taċ-“ċkejknin”, tan-Nazzjonijiet żgħar imma għanja fl-istorja u ċ-ċiviltà, li għandhom imexxu ’l quddiem loġika oħra: dik tar-rispett u tal-libertà, dik tar-rispett u anki l-loġika tal-libertà, tad-differenzi li jgħixu ma’ xulxin, kontra l-kolonizzazzjoni tal-iżjed qawwija. Dan qed narawh bħalissa. U mhux biss minn naħa waħda: anki minn oħrajn… Wara t-Tieni Gwerra Dinjija kien hemm min ipprova jqiegħed is-sisien għal storja ġdida ta’ paċi, imma b’xorti ħażina – aħna ma nitgħallmux! – baqgħet sejra l-istorja qadima ta’ potenzi kbar jikkompetu bejniethom. U, fil-gwerra ta’ bħalissa fl-Ukrajna, qed naraw kif l-Organizzazzjonijiet tal-Ġnus Magħquda huma bla saħħa.
It-tieni aspett: Malta hi post-muftieħ fejn jidħol il-fenomenu tal-migrazzjonijiet. Fiċ-ċentru ta’ akkoljenza Ġwanni XXIII iltqajt ma’ bosta migranti, li waslu fuq il-gżira wara vjaġġi terribbli. Ma għandna qatt negħjew nisimgħu x-xhieda tagħhom, għax hekk biss tinkixef il-viżjoni mgħawġa li spiss hawn iddur fil-midja tal-massa u nistgħu nagħrfu l-uċuħ, l-istejjer, il-ġrieħi, il-ħolmiet u t-tamiet ta’ dawn il-migranti. Kull migrant hu uniku; mhuwiex numru, imma hu persuna; hu uniku bħal kull wieħed u waħda minna. Kull migrant hu persuna bid-dinjità tagħha, l-għeruq tagħha, il-kultura tagħha. Kull wieħed u waħda minnhom iġorr fih għana bil-wisq ikbar mill-problemi li jġib miegħu. U ma ninsewx li l-Ewropa ssawret mill-migrazzjonijiet.
Bla dubju, il-laqgħa li nagħtuhom għandha tkun organizzata – huwa minnu dan – għandha titmexxa, u qabel, ħafna qabel, għandha tkun ippjanata flimkien, fuq livell internazzjonali. Għax il-fenomenu migratorju ma nistgħux nirriduċuh għal emerġenza, imma hu sinjal ta’ żminijietna. U hekk għandna naqrawh u ninterpretawh. Jista’ jsir sinjal ta’ kunflitt, jew inkella sinjal ta’ paċi. Jiddependi minn kif neħduh, jiddependi minna. Min f’Malta ta l-ħajja liċ-Ċentru Ġwanni XXIII għamel l-għażla Nisranija u għalhekk sejjaħlu “Laboratorju tal-Paċi”. Imma jiena nixtieq ngħid li Malta kollha kemm hi hija laboratorju tal-paċi! In-nazzjon kollu bl-atteġġjament tiegħu hu laboratorju tal-paċi. U jista’ jwettaq din il-missjoni tiegħu jekk, mill-għeruq tiegħu, ifittex jikseb dak li jagħti l-ħajja lill-fraternità, lill-ħniena, lis-solidarjetà. Il-poplu Malti flimkien mal-Vanġelu rċieva dawn il-valuri, u grazzi għall-Vanġelu jista’ jżommhom ħajja.
Għalhekk, bħala Isqof ta’ Ruma, mort inwettaq lil dak lil-poplu fil-fidi u fil-komunjoni. Fil-fatt – it-tielet aspett, dan – Malta hija post-muftieħ anki mill-perspettiva tal-evanġelizzazzjoni. Minn Malta u minn Għawdex, iż-żewġ Djoċesijiet tal-Pajjiż, ħarġu tant saċerdoti u reliġjużi, imma anki fidili lajċi, li wasslu x-xhieda Nisranija fid-dinja kollha. Bħallikieku l-passaġġ ta’ San Pawl fosthom ħalla l-missjoni fid-DNA tal-Maltin! Għalhekk iż-żjara tiegħi kienet qabelxejn att ta’ rikonoxximent, gratitudni lejn Alla u lejn il-poplu qaddis u fidil tiegħu f’Malta u Għawdex.
Madankollu, hemm ukoll qiegħed jonfoħ ir-riħ tas-sekulariżmu u tal-psewdokultura globalizzata msejsa fuq il-konsumiżmu, in-neokapitaliżmu u r-relattiviżmu. Hemm ukoll, allura, wasal iż-żmien ta’ evanġelizzazzjoni ġdida. Iż-żjara li, bħall-Predeċessuri tiegħi, għamilt fil-Grotta ta’ San Pawl ħaditni nixrob mill-għajn, biex il-Vanġelu jista’ jgelgel bil-qawwa f’Malta bil-freskezza tiegħu tal-bidu u jżomm ħaj il-wirt kbir tagħha ta’ reliġjożità popolari. Dan hu ssimbolizzat fis-Santwarju Nazzjonali Marjan ta’ Ta’ Pinu, fil-gżira ta’ Għawdex, fejn iċċelebrajna laqgħa intensa ta’ talb. Hemm ħassejt tħabbat il-qalb tal-poplu Malti, li tant għandu fiduċja fl-Omm Qaddisa tiegħu. Marija terġa’ teħodna dejjem għall-essenzjal, għand Kristu mislub u rxoxt, u dan għas-saħħa tagħna, grazzi għall-imħabba ħanina tiegħu. Ħa tgħinna Marija nżommu mkebbsa l-fjamma tal-fidi mixgħula min-nar tal-Ispirtu s-Santu, li jżomm ħajja minn nisel għal ieħor it-tħabbira tal-Vanġelu, għax il-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza! Ma ninsewhiex dik il-frażi ta’ San Pawlu VI: il-vokazzjoni tal-Knisja hi li tevanġelizza, il-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza. Ma ninsewhiex għax hija l-isbaħ definizzjoni ta’ min hija l-Knisja.
Naħtaf din l-okkażjoni biex inġedded il-ħajr tiegħi lejn is-Sur President tar-Repubblika ta’ Malta, hekk ta’ qalb tajba u fratern: grazzi lilu u lill-familja tiegħu; lis-Sur Prim Ministru u lill-Awtoritajiet ċivili l-oħra, li laqgħuni b’tant ġentilezza; kif ukoll lill-Isqfijiet u l-membri kollha tal-komunità ekkleżjali, lill-voluntiera u lil dawk kollha li seħbuni bit-talb. Ma rridx ninsa nsemmi ċ-ċentru ta’ akkoljenza għall-migranti Ġwanni XXIII: hemm dak il-patri Franġiskan li qed imexxih, Patri Dijonisju Mintoff, għandu 91 sena u xorta qed ikompli jaħdem hekk, bl-għajnuna tal-kollaboraturi tad-Djoċesi. Hu xempju ta’ żelu appostoliku u ta’ mħabba lejn il-migranti, li llum tant għandna bżonn minnhom. Aħna, b’din iż-żjara, qed niżirgħu, imma huwa l-Mulej li jkabbar. Ħa tkun it-tjieba bla qies tiegħu li tnibbet frott kotran ta’ sliem u ta’ kull ġid għall-poplu għażiż ta’ Malta! Grazzi lil dan il-poplu Malti tal-laqgħa tiegħu hekk umana, hekk Nisranija. Grazzi ħafna.”
maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard
Be the first to comment