Silta minn meditazzjoni ta’ Chiara Lubich
“Ġesù f’nofsna, l-unita’ hi l-mod ta’ ħajja li rridu ngħixu. Meta fl-ewwel żminijiet kienu jistaqsuna jekk hemmx xi ħaġa li nistgħu ningħarfu minnha, aħna konna ngħidu li d-distintiv tagħna hi l-imħabba ta’ bejnietna. (…) Iva, dan hu d-distintiv evanġeliku li permezz tiegħu jeħtieġ li niddistingwu ruħna. (…)
U allura ma tkunx idea ħażina li naħsbu ftit sew fuq dan id-dmir tagħna. Issa, illum, aħna ninsabu f’għaqda perfetta mal-oħrajn?
Jekk it-tweġiba tagħna hi iva, nirringrazzjaw lil Alla u nibqgħu ċerti li dak kollu li nagħmlu, anki l-iċken ħaġa, bħal meta naħslu l-platti, nikinsu xi kamra, nieħdu ħsieb it-tfal, immorru nixtru, naqraw xi ktieb jew nagħmlu xi passiġġata, jew anki tbissima, mossa jew sentiment, kollox ikollu valur. (…)
Jekk it-tweġiba tagħna hi le, l-ewwel dmir tagħna hu li nagħmlu minn kollox biex l-unita’ tagħna ma tibqax aktar imtappna, jew forsi agħar, għax tkun imxellfa jew miksura. Fl-Istatut tal-Opra tagħna, hemm xi ħaġa li trid tiġi qabel kull ħaġa oħra: irridu npoġġu l-preżenza ta’ Ġesu’ f’nofsna billi nħobbu lil xulxin.
Għeżież, qed ngħidilkom affarijiet sempliċi imma dawn jitolbu impenn kbir. (…) Irridu nħallu kull attivita’ oħra biex qabel kollox inpoġġu l-preżenza ta’ Ġesu’ f’nofsna. Jekk nagħmlu dan inkunu għamilna kollox. U hu urġenti li nagħmluh; hu dmir tagħna.
Fittxu li twelldu lil Ġesu’ f’nofskom u hu jaqbadkom minn idejkom u jgħidilkom kif timxu, jagħtikom mill-ġdid il-ħerqa għal din l-avventura divina li intom bdejtu tagħmlu f’ismu. (…)
Riesaq il-Milied! Ma tkunx ħaġa tajba li sa minn issa stess inhejju rigal kbir, biex nagħtuh lil dik it-Tarbija li ġiet fid-dinja propju biex ikoll ikunu ħaġa waħda?
Nibdew sa minn issa stess, nagħtu dawl ġdid lill-ħajja tagħna billi nġeddu l-preżenza tiegħu fostna. Ngħixu b’mod li meta nsellmu lil xulxin, jiġina li b’mod spontanju ngħidu lil xulxin: inżommu lil Ġesu’ f’nofsna.”
Chiara Lubich
Rocca di Papa, 6 Novembru 1985
Be the first to comment