Silta meħuda minn kitba ta’ Chiara Lubich dwar Marija Deżolata
“Marija f’riġlejn is-salib hi l-espressjoni l-aktar għolja tal-virtujiet kollha; hi l-kreatura umana li għexet il-virtujiet kollha b’mod erojku. Hi l-mansweta per eċċellenza, hi dik ta’ qalb ħelwa, hi l-fqira li għarfet titlef lil Binha li hu Alla, hi l-ġusta li ma tilmintax meta ġiet miċħuda minn dak li hu tagħha, hi dik ta’ qalb safja li għexet id-distakk minn Binha Alla (…). F’Marija Deżolata hemm it-trijonf tal-fidi u tat-tama għax għexet imkebbsa bl-imħabba tul ħajjitha kollha.
Marija Deżolata, miksija b’kull virtu’, tgħallimna li aħna għandna ninksew bl-umilta’ u l-paċenzja, bil-prudenza u l-perseverenza, bis-sempliċita’ u s-silenzju, biex fuq id-dlam li hemm fina, id-dlam tal-uman tagħna, jiddi fid-dinja d-dawl ta’ Alla li jgħammar fina.
Marija tad-Duluri hi l-Qaddisa per eċċellenza, monument ta’ qdusija li jistgħu jħarsu lejh il-bnedmin kollha ta’ kull żmien, biex jitgħallmu jilbsu mill-ġdid il-libsa tal-mortifikazzjoni.
Naħsbu ftit wisq fuq “il-passjoni” li għexet Marija, fuq is-sjuf li nifdulha qalbha, fuq l-abbandun terribli li għexet fuq il-Golgota. Jista’ jkun li nagħmlu dan għax Marija għarfet tgħix b’ċertu ħlewwa, b’dawl u skiet l-agunija iebsa li kellha tbati.
Jekk jasal il-waqt meta jkollna nġarrbu t-tbatija fl-aqwa tagħha u nħossu fina ribelljoni kbira, għax “il-frott tal-passjoni” tagħna jidher li qed ikun meħud minn idejna, jekk mhux ukoll minn qalbna, ejjew niftakru fiha. Id-Deżolata hija l-Qaddisa per eċċellenza!
Nixtieq li ngħix lilha fil-mortfikazzjoni tagħha. Nixtieq li bħalha nkun kapaċi noqgħod waħdi ma’ Alla; jiġifieri li għalkemm ngħix mal-oħrajn, imma li nkun magħquda miegħu b’mod li ruħi tkun fi djalogu intimu miegħu matul ħajti kollha.
Jeħtieġ li nimmortifika ruħi fil- kliem, fil-ħsibijiet u fl-għemil meta dawn ma jkunux fil-mument t’Alla, biex ngħixhom meta jkun tassew waqthom.
Id-Deżolata hi ċ-ċertezza tal-qdusija, l-għajn dejjiema tar-rabta ma’ Alla, minnha jfawwar il-veru ferħ!
Chiara Lubich
(Traduzzjoni ta’ silta meħuda minn La Dottrina Spirituale P183-184)
Be the first to comment